Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Propaganda

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kien żmien meta l-partiti politiċi ma kellhomx l-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni tagħhom. Il-messaġġ politiku kien jasal permezz tal-corner meetings, permezz tal-każini tal-partiti inkella viċin xi elezzjoni permezz ta’ xi mass meeting f’xi pjazza ewlenija.

Kemm qabel kif ukoll illum, kull partit jimbotta l-messaġġ tal-partit u lill-mexxej biss. Il-kandidati jridu jaħsbu għal rashom. Fi żmien meta ftit konna nagħtu kas l-ambjent, kienu moda l-posters. Minbarra posters maħruġin mill-partit b’xi kwotazzjoni mill-programm elettorali jew bir-ritratt ta’ min imexxih jitbissem, kull kandidat kien ikollu l-poster tiegħu.

U arahom il-canvassers joħorġu kif jidlam, donnhom biex ma jikxfux fejn se jwaħħlu x-xbihat tal-benjamin tagħhom, imorru b’xi sellum, numru ta’ posters u landa kolla biex jimlew xi faċċata ta’ xi propjetà pubblika jew privata li ma tantx tintuża. U mhux poster kienu jwaħħlu. Kienu jwaħħlu l-istess poster għal ma nafx kemm-il darba mal-faċċata kollha… mhux biss biex juru lill-kandidat tagħhom, imma anki kultant biex jgħattu ta’ ħaddieħor; ġieli anki jgħattu xi kandidat ieħor tal-istess partit. Din rajtha tiġri fuq iż-żewġ naħat.

Qatt ma fhimt kif bniedem jiddeċiedi li jivvota lil xi ħadd għax wiċċu jarah imċappas għal xi ħamsin darba fuq faċċata. Forsi biex in-nies jaraw min hu l-aktar gustuż? Lanqas ħaqq kemm spejjeż, u kemm riskju minn dawk li jiddendlu ma’ xi sellum fid-dlam biex iwaħħlu l-uċuħ! U dan biex ma nsemmux meta kienu jiltaqgħu gruppi ta’ kandidati differenti u jkollhom f’moħħhom li jwaħħlu fl-istess post!

Ġieli kienu anki jiktbu mal-ħitan… Ivvota lit-tali jew lit-tali, ġieli b’xi laqam, jew ma’ liema partit. Ġieli kienu anki jpinġu xi arma tal-partit. Insomma kull filgħodu fi żmien xi elezzjoni kont dejjem issib l-ambjent mibdul… daqqa b’wiċċ iħares naħa, l-għada ssib wiċċ differenti jitbissem iktar, u daqqa ssib xi kitba kbira tgħatti kollox taħtha.

Insomma meta twaqqfu l-posters u ż-żebgħa mal-ħitan, bdejna nkunu konxji kemm għandna faċċati sbieħ… u l-ġebla Maltija ħadet nifs ukoll.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN