Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Publju… wieħed mill-qaddisin patruni ta’ Malta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jissemma fil-Bibbja. L-uniku residenti f’Malta li jissemma fil-Bibbja, jekk ma tgħoddx lil Pawlu u Luqa imma dawk damu tliet xhur biss residenti hawn. Minbarra li kien imexxi lil Malta sar ukoll l-ewwel isqof ta’ gżiritna. Il-fatt li hu msemmi b’mod pożittiv fil-Bibbja għamlu qaddis u allura sar l-ewwel qaddis Malti filwaqt li San Ġorġ Preca sar l-ewwel qaddis santifikat… għax anki fuq il-qaddisin ħloqna kontroversja. Publju huwa wkoll wieħed mill-qaddisin patruni ta’ Malta u sar hekk fl-1610.

Skont l-Atti tal-Appostli kien il-Gvernatur ta’ Malta, jirrappreżenta lill-ħakkiema ta’ Ruma. Meta l-ġifen li fuqu kien hemm San Pawl priġunier inkalja fostna kien laqgħu f’daru għal tlett ijiem. Ma naħsibx li kienet xi ħaġa komuni li l-mexxej ta’ komunità jilqa’ f’daru ħabsi minn fost ġifen sħiħ, imma skont l-iskrittura stess, kif Pawlu ħeles mil-lifgħa bdew jgħidu li kien xi alla. U allura sar il-mistieden uffiċjali ta’ Publju. Il-ġrajja tgħid ukoll li waqt li kien għand Publju, Pawlu fejjaqlu lil missieru. U allura bil-fatt tal-lifgħa u tal-fejqan ta’ missier il-Gvernatur, il-Maltin aċċettaw it-twemmin tal-Appostlu, saru jemmnu bħalu u ħatru lill-Gvernatur l-ewwel mexxej spiritwali wkoll.

Kulħadd jaf li l-Furjana għandha lil Publju bħala patrun u f’dawn il-ġranet tiċċelebra l-festa tiegħu. U f’Għawdex hemm knisja żgħira fl-Għasri ddedikata lilu wkoll. Bħala residenti f’Malta msemmi fl-Iskrittura kont nistenna li jkun hawn iktar. Kultant naħseb li s-silta mill-Bibbja li ssemmi lil gżiritna ftit nagħtuha l-importanza li teħtieġ. Dejjem staqsejt lili nnifsi għala l-miljuni ta’ turisti li jżuru pajjiżna ma jsibux imqar souvenirs bil-kliem “Kif ħlisna mill-għarqa sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.” Jiġu turisti minn tant pajjiżi ikbar minna li fil-Bibbja lanqas biss jissemmew. U aħna, blata żgħira, u nissemmew. Imma bħas-soltu dak li hu tagħna ma napprezzawhx.

Dwar il-knisja tal-Furjana niftakar min isemmi li meta fil-gwerra kienu ġew jattakkawna mill-ajru t-Taljani, kienu tefgħu xi bombi fuq il-knisja ta’ San Publju, ġarrfu parti minnha u mietu n-nies ukoll. Fuq ir-radju Taljan kienu ħabbru li l-Italja ġarrfet il-Katidral tal-belt Valletta. Ma tagħtihomx tort. M’humiex imdorrijin b’belt kapitali tant ċkejkna u allura mill-ajru, il-knisja tal-Furjana fuq pjazza daqstant imponenti mhux biss ħasbuha li qiegħda fil-belt, imma immaġinawha wkoll il-Katidral ewlieni. U l-arloġġ tal-kampnar li kien twaqqa’ baqa’ sa llum bl-istess ħin u bid-data miktuba tal-attakk.

Illum, għall-grazzja t’Alla, l-uniċi bombi li jinstemgħu fl-inħawi huma dawk tal-festa jew tal-festival tan-nar sinkronizzat. Il-bombi fuq in-nies mill-ajru għadda żmienhom… u jalla ma jerġgħu lura qatt.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN