Radju Kafé
Kurżitajiet

Qagħaq, pastizzi tal-inċova u karamelli

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Għada l-Ġimgħa l-Kbira. U minħabba li l-programm mhux se jixxandar, il-blog qed joħroġ illum, Ħamis ix-Xirka. Għalija din fost l-isbaħ ġranet tas-sena, anzi biex inkun aktar preċiż, il-lejl li ġej huwa fost l-isbaħ tliet iljieli tas-sena.

Iż-żewġ iljieli l-oħrajn huma lejlet il-Milied u lejlet l-Ewwel tas-Sena. Imma dan speċjali. Jien tafu biżżejjed li nħobb ħafna l-Milied, imma żmien il-Ġimgħa l-Kbira differenti minn kull żmien ieħor u allura l-interess inħossu iktar. In-nies jagħmlu l-visti, l-irwejjaħ tal-borma fil-knejjes, is-sepulkri, iż-żjajjar tal-vari, id-dawl misterjuż tal-fjakkli f’ċerti kappelli fl-imwarrab u s-sens li dan huwa żmien differenti mis-soltu jagħmel dan il-lejl wieħed speċjali.

Kull fejn iddur f’dawn il-jumejn, kullimkien issib min ibiegħ l-ikel; ikel tal-okkażjoni li ssibu biss f’dawn il-jumejn. Il-qagħaq tal-appostli, skont jien, huma l-aktar tip ta’ ħobż li jixraq fuqu l-butir. Meta kont żgħir u ommi kienet tixtrilna qagħqa, kienet twissi lili l-ewwel wieħed biex ma nikolx il-lewż kollha tal-wiċċ waqt li l-qagħqa tkun għadha sħiħa. Meta kienu jiġu biex jieklu minnha ħuti, kien ikollha xi 4 toqbiet fil-wiċċ! U jeħel dejjem Joe! U fil-verita jien kont inkun, anzi nammetti li din xi ħaġa bqajt nagħmilha anki issa li m’għadnix żgħir.

U xi ngħidu għall Pastizzi tal-Inċova? Speċjalita kbira! Qishom pastizzi tal-piżelli imma b’dik it-togħma mielħa tal-inċova biex tagħmilhom speċjali għal dawn il-ġranet. U l-forma differenti wkoll, għax isiru tondi bħall-qassatat, imma bl-għaġina tal-pastizzi.

U biex jaqbadni aktar ġuħ jien u nikteb, niftakar fl-isfineġ. Kif tista’ tirreżistihom? Tarahom jinqlew fit-triq, tordna tnejn u trid tħallihom jibirdu ftit biex tgawdi t-tjubija tagħhom.

Imbagħad jgħidulek li dan żmien is-sawm. Kif jista’ jkun? L-ikel li jinbiegħ fit-toroq daż-żmien iħajrek aktar minn kull ikel ieħor li jinbiegħ is-sena kollha.

Il-karamelli ftit niggustahom. Imma meta kont żgħir u missieri kien joħodni nara xi vari l-Ġimgħa filgħodu, kien jixtrili minnhom, minflok ħelu. Kont induq lk-ewwel waħda u l-bqija ma noħodhomx għax ħelwin wisq u jdejquni. Kien jgħidli wkoll biex inħallihom idubu f’ħalqi għax jekk nigdimhom inkun qed nagħmel dnub.

F’ħajti għamilt ħafna u ħafna dnubiet relatati mal-ikel, u żgur mhux bil-karamelli. Żaqqi hija xhud ta’ dan kollu… imma l-karamelli xorta qbajt ma niggustahomx.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN