Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Qaqoċċ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-qaqoċċ bl-Ingliż jgħidulhom artichokes. Aħna f’Malta bil-kelma artiċoks nirreferu għal ħaxixa oħra, dik li ma fiha ebda forma regolari u li bl-Ingliż isejħulha Jerusalem artichokes.

Imma llum se nitkellmu dwar il-qaqoċċ, ħaxixa marbuta mar-rebbiegħa. Il-qaqoċċa ġejja mill-familja tax-xewk. Infatti tikber eżatt bħal xewka bil-parti li tittiekel wieqfa fuq zokk dritt ‘il fuq mill-bqija tax-xitla. Infatti dik il-parti hija l-fjura li tkun għadha ma fetħitx. Il-weraq tal-qaqoċċ
huma fil-fatt il-bidu ta’ dawk li kellhom isiru petali kieku tħalli l-qaqoċċa tkompli tikber.

Jingħad li l-qaqoċċa hija tajba ħafna għas-saħħa tal-fwied u l-qalb. Fiha ħafna fibre, vitamini u ftit kaloriji. Minkejja li hija waħda mill-aktar ikel sustanzjuż, xorta ssib ħafna li ma jixtruhiex. Forsi jistkerrhuha minħabba li qisha xewka? Jew minħabba t-togħma tagħha? Min jaf?

Il-qaqoċċa żgur ma tista’ qatt titqies bħala fast food. Infatti biex tikolha trid toqgħod tkewwes mal-weraq qisek qed tilgħab il-karti tal-logħob.

L-ewwel tneħħi l-ponot tal-fuq tal-weraq, għax fil-fatt ġieli jkunu jniggżu xi ftit, jew ġieli minħabba fihom il-qaqoċċa tieħu wisq spazju fil-borma. Il-qaqoċċa trid tinħasel sew, titpoġġa ġo borma bl-ilma u titgħalla.

Ħawn min iżid meraq tal-lumi u ħall abjad mal-ilma. U ħafna jimlew il-qaqoċċ qabel isajruhom b’xi tonn taż-żejt, tewm, basal imqatta’, tursin, klin, frak tal-ħobż, ġobon tal-ħakk u dak kollu li tista’ timmaġina.

Hawn min minflok jgħallihom, jagħżel li jsajjarhom fuq il-fwar, inkella jixwihom. Insomma t-togħma tibqa’ hemm u l-vantaġġi għas-saħħa wkoll.

Minbarra l-weraq, il-qaqoċċa għandha parti oħra li aktar nies iħobbuha; il-qalba, dawk li bl-Ingliż
jgħidulhom artichoke hearts. Dawn huma aktar popolari u fil-fatt issibhom anki fuq xi Pizza Capricciosa.

Il-qalba tal-qaqoċċa hija magħmula mill-weraq li jkunu għadhom ma kibrux, magħqudin f’nofsha.
Mill-qaqoċċa jagħmlu x-xorb ukoll, tajjeb ħafna għad-diġestjoni wara xi ikla kbira.

Fil-lingwa l-kelma qaqoċċa nużawha metaforikament ukoll. Minħabba li l-weraq tagħha huma
magħqudin flimkien, meta nirreferu għax xi grupp ta’ nies li xejn ma jifridhom, ngħidu li huma qaqoċċa.

Jiġifieri anki mill-qaqoċċa għandna x’nitgħallmu dwar ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN