Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Qassatat

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Meta kont żgħir, aktar minn pastizzi, kont nippreferi l-qassatat. Forsi għax meta tikolhom ma tantx jitfarrku… jew aħjar, probabbli kienu jgħiduli nieħu lilhom biex ma nħammiġx ħwejġi.

Il-kelma qassata m’hemm xejn fiċ-ċert minn fejn ġejja. Hemm min jgħid li ġejja mill-kelma bl-Għarbi “qas’ah” li tfisser skutella fejn tħallat l-ingredjenti. U hemm min jgħid li ġejja mill-kelma bil-Latin “caseata” li tfisser taħlita ta’ ġobon. Ġejja minn fejn ġejja nafu żgur li fi Sqallija għandhom il-“cassata” tagħhom u hemmhekk nafu li kellhom influwenzi kemm Għarab kif ukoll Latini. Il-“cassata” ta’ Sqallija fiha l-irkotta wkoll imma hija riċetta ħelwa u jagħmluha ħafna f’Katanja għall-festa ta’ Sant Agata. Fil-fatt għandna wkoll qassatat f’Malta li jsiru ħelwin.

Il-qassatat għandhom rabta sħiħa mal-pastizzi. L-ewwelnett issib tixtrihom mingħand tal-pastizzi. Hawnhekk ninnutaw li l-qassatat qatt ma ħadu l-importanza tal-pastizzi. Minkejja li dawn il-ħwienet insibulhom miż-żewġ prodotti, ma tisma’ lil ħadd jgħid li sejjer jixtri mingħand “tal-qassatat”. Dejjem “tal-pastizzi” baqgħu. Ġeneralment il-mili tal-qassatat ikun l-istess bħal dak tal-pastizzi; irkotta jew piżelli. Bħall-kas tal-pastizzi, hawn min isejjaħ dawk tal-irkotta bħala tal-ħaxu jew tal-ġobon. Fi żmien ir-Randan, imbagħad insibu l-qassatat tal-inċova… forsi f’dal-kas insibu iktar qassatat milli pastizzi.

F’Għawdex insibu qasstat kemmxejn differenti. Hemmhekk jimlew il-qassatat bil-ġbejniet minflok bl-irkotta. Iħokku ġbejniet nixfin u jħalltuhom mal-ġbejniet friski mgħaffġin… naqra bajd u bżar magħhom u min jaf x’togħma dik! Hemm min jitfa’ wkoll il-ful fit-taħlita. U qaluli li f’xi rħula partikolari jitfgħu anki ż-żbib mal-ġbejniet. Xi darba tajjeb li nduquhom ukoll!

Hawn min jagħmel qassatat ħelwin l-aktar fi żmien l-Għid il-Kbir; l-irkotta tkun mħallta biz-zokkor u jpoġġu ċirasa ħamra fuq kollox.
Fil-wiċċ ta’ xi turtiera qassatat, hawn min jagħti dilka bl-abjad tal-bajd biex il-qassatat jiħmaru u hawn min jitfa’ wkoll xi ġulġlien.
Il-qassata nsibuha fil-baħar ukoll. Hawn brama kbira, safranija li tissejjaħ qassata. Jingħad li ma tniggisx, imma tiddejjaq taraha f’wiċċ l-ilma maġenbek.

U fil-lingwa l-kelma qassata ma nużawhiex għall-ikel biss. Xejn ma tieħu gost tkun għamilt xi biċċa xogħol u jgħidulek li għamilt qassata!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN