Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Qattus il-Bombi

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kienet frażi popolari ħafna fit-tieni nofs tas-snin sebgħin. Ma tfisser xejn u tfisser ħafna. Kienet frażi ta’ karattru televiżiv meta tkun f’rabja, il-karattru ta’ Ġoma, maħdum minn Gemma Portelli, mill-ewwel serje Maltija fuq it-televixin; F’Baħar Wieħed.

Fis-snin sebgħin, Lino Grech kiteb F’Baħar Wieħed għar-radju. Tant kien suċċess li fl-1976 Lino Farrugia ried jagħmlu teleserje, fi żmien meta teleserje bil-Malti qatt ma kien eżista. Lino Grech beża’ li din in-novità se tkun falliment u fil-fatt meta xxandar l-ewwel episodju telaq lejn Għawdex. Iżda bil-għajnuna tat-tim kbir involut, it-teleserje kien suċċess kbir u kien estiż sa 30 episodju. Lino kien jikteb għall-popolin, stejjer soċjali u dejjem b’xi tagħlima.

Kien serje bl-aqwa atturi f’Malta dak iż-żmien. U kienu kollha atturi diġà bl-esperjenza fuq il-palk, l-aqwa prova għal min irid jirreċta. Biżżejjed insemmu nies bħal Karmen Azzopardi, Josephine Zammit Cordina, Victor Grech, Ines Farrugia, Sandra Davis, Jane Marshall, Mario Micallef u Alfred Mallia lura fiż-żmien.

Lino, bħal Gemma, kien ħadem parti prinċipali wkoll: il-parti ta’ Pinu l-pastizzar; raġel kwiet u ddominat minn martu Ġoma. Din Ġoma kienet mara twajba, imma lsienha twil, tparla, tgħaffiġha, u biex tipprova tirranġa kollox, tgħaffiġha aktar!

Kien serje li wera kemm problemi jinqalgħu minħabba d-differenzi soċjali bejn familji differenti. In-nies lil Ġoma ħabbewha. Kliem Ġoma meta kienet tirrabja, “qattus il-bombi,” saru kliem moda li jgħidhom kulħadd b’ċajta.

Imma ċertu ċajt kien jaqbeż il-linja. Ħasra li ċerti nies ma kienux jagħmlu differenza bejn l-attriċi u l-karattru rreċtat. Kien hawn min jaħseb li fil-ħajja personali, Gemma kienet injoranta bħal Ġoma. U dan lil Gemma kien idejjaqha. Darba kienet sejra lejn Xandir Malta ma’ bintha Cora. Kellha taqsam il-pjazza tal-Imsida u kif waslet fuq iż-zebra crossing, inzerta waqaf trakk mimli rġiel tal-ġebel quddiemha.

U l-irġiel bdew ikantawlha melodija magħrufa dak iż-żmien: “Furia il cavallo del west, qalziet ta’ Ġoma ċelest.” M’għandniex xi ngħidu, Gemma bdiet tistħi quddiem pjazza tant iffrekwentata min-nies u l-karozzi. It-traffiku ma setax jimxi, it-trakk baqa’ wieqaf hemm u Gemma ma setgħetx taqsam… u dawk il-ftit minuti, rathom sigħat.

Insomma, kull nhar ta’ Tnejn, meta kien jixxandar F’Baħar Wieħed fuq TVM, Malta kienet tkun baħħ għax kulħadd kien jinġabar quddiem is-settijiet tat-televiżjoni jsegwi. Kien żmien ieħor imma kien bidu tajjeb ħafna.

Insellem il-memorja ta’ Lino u Gemma…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN