Radju Kafé

Qegħdin ngħixu Milied tal-plastik?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Niftakar li meta l-iskola konna bdejna l-ewwel lezzjonijiet tal-istorja, kienu jsemmulna Żmien il-Ħaġar u Żmien il-Bronż fost oħrajn. U l-mistoqsija kienet toħroġ waħedha: Jekk missirijietna għexu żmien il-ħaġar u żmien il-bronż, aħna xi żmien qegħdin ngħixu? U l-għalliema kienet tgħidilna li probabbilment żmienna jibqa’ mfakkar bħala Żmien il-Plastik – Plastic Age. U kienet tgħidha b’mod pożittiv. Il-Plastik kien qiegħed jintuża f’ħafna prodotti, għax instab utli ħafna, faċli biex jinħadem u rħis fil-prezz.

Il-plastik beda dieħel f’kollox. Beda jintuża flok il-ħadid, flok il-karta, flok il-ħġieġ u saħansitra fil-ġisem tal-bniedem, għax il-plastic surgeries bdew isiru aktar spissi mhux biss għall bżonn mediku, imma anki għal raġunijiet purament kosmetiċi. Kultant tara ċerti artisti ta’ Hollywood li għandhom aktar plastik milli ġilda. Qlibna n-natura ta’ taħt fuq… in-naturali tajnieh il-ġenb.

Iżda l-isplużjoni tal-użu tal-plastik f’kollox ġabitna wiċċimbwiċċ ma’ realtà li ħadd ma basar. Mal-ħolqien tal-plastik, ħloqna produzzjoni massiva ta’ skart. Sirna nużaw il-plastik kważi ma’ kull prodott li nixtru kuljum, u allura wara kull xirja li nixtru nindunaw li nkunu xtrajna kwantita ta’ plastik li tibqa’ sejra dritt fiż-żibel… nittama li f’dak riċiklabbli.

Għalija l-aktar bidla li tefgħetna lura f’dan ir-rigward kienet id-deċiżjoni meta warrabna l-fliexken tal-ħgieġ għal-luminati u ilma u minflok bdejna nużaw tal-plastik. Dakinhar għorku idejhom il-produtturi tal-plastik u bkiet il-pjaneta. Bdew jinħolqu mases ta’ plastik fil-wiċċ tal-ibħra internazzjonali, plastik li jintrema minn pajjiżi differenti u li llum waslu fid-daqs ta’ kontinent sħiħ. U dan kollu b’detriment għall-ħajja marittima li qed teffettwa bi sħiħ anki lill-ikel li nieklu.

Anki l-Milied sar kollu plastik: siġar tal-plastik, tiżjin tal-plastik, rigali magħmulin mill-plastik imkebbin fil-plastik u saħansitra presepji bil-pasturi tal-plastik! Imbagħad immorru xi festin u nsibu tazzi tal-plastik, platti tal-plastik, straws tal-plastik u mitt ħaġa oħra.

Jekk ma nibżgħux għall-pjaneta tagħna, inkunu ħatja li qegħdin ngħaddu dinja f’agunija lil uliedna stess. Jekk nibqgħu niċċelebraw il-festa tal-imħabba bi prodotti li jeqirdu d-dinja, inkunu qegħdin ngħixu Milied tal-Plastik… f’kull sens.

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN