Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Qisek Bajtra!

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

 

F’pajjiżna l-bajtar tax-xewk jikber kullimkien. Huwa tip ta’ kaktus li m’għandux bżonn ħafna ilma u lanqas xi kura partikolari. La għandek għalfejn issaqqih, la tagħżaq madwaru u xejn aktar. Ħallih hemm iserraħ fuq xi ħajt tas-sejjieħ u fi żmien il-frott mur, aqta’ u kul.

Imma qabel taqta’ oqgħod attent mix-xewk. U mhux mal-frotta biss, imma anki mal-weraq tagħha ssib kull xewka theddek li jekk tersaq lejha xxoqqok! Il-weraq jissejjaħ pal… kull waħda pala tal-bajtar.

Il-frott jiġi fi tliet kuluri differenti; l-isfar, l-aħmar u l-abjad. L-isbaħ waħda l-ħamra u meta konna tfal konna niġġieldu biex il-ħamra nieħduha aħna. Imma jkolli ngħid maż-żmien bdejt nippreferi l-bojod li ġieli jsejħulhom tax-xitel. Il-bajtar m’għandux staġun twil wisq għax jgħidu li kif jaqla’ l-ewwel xita ma jibqax tajjeb wisq.

U ssib min jgħid ukoll li minkejja li l-frotta għandna ħlewwa kbira… kważi tgħaxxik bil-ħlewwa, jekk tiekol bil-qies tista’ tgħin anki lil min hu dijabetiku. Imma dwar din staqsu lil xi tabib qabel tażżardaw tieklu.

Jgħidu li l-frotta fiha ħafna nutrijenti u benefiċċji għas-saħħa. Fiha numru baxx ta’ kaloriji u mimlija vitamina Ċ. Però ma tridx tiffanga. Il-bajtar tax-xewk fih ħafna fibre u jekk tiekol ħafna aħjar tixrob l-ilma warajh. Lil min jiekol ħafna bajtar, issib min jagħmlu stetiku… u ssib min jiftħu.

Meta kont tifel u jiġi xi ħadd ibiegħ il-bajtar konna noħorġu bi skutella biex il-bejjiegħ iqaxxrilna dak li nkunu xtrajna u jitfagħhomlna fiha. U ħadd ma kien jixtri bir-ratal, li jiġi ftit inqas minn kilo. Konna nixtru bil-wiżna, li tiġi 4 kilos. Forsi għax kien hawn familji ikbar? Imma niftakarni nixtruhom fl-iskutella, inpoġġuha fil-friġġ u kif il-frott jiksaħ jiġi itjeb minn ġelat.

L-isem tal-bajtra dejjem laqatni kif hu mfassal. Isem propja, għallinqas fit-Taljan, fl-Ingliż u fil-Malti, m’għandux. It-Taljani jgħidulu Fico d’India, jiġifieri tina tal-Indja; l-Ingliżi jsejħulha Prickly Pear, jiġifieri lanġasa tax-xewk; u aħna ngħidulha bajtra tax-xewk għall-bajtra ta’ San Ġwann. Minflok hemm isem għal dil-frotta, isejħulha għal frotta oħra u jżidu li fiha x-xewk.

Bejnietna… għalkemm in-nies isem għandhom, issib min isejħulu bajtra wkoll… u jkollu raġun jieħu għalih!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN