Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Qisek Ftira

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kultant tiġik itjeb minn biċċa ħobż tal-Malti, forsi għax fiha iktar qoxra u inqas bieba jiġifieri l-ġewwieni. Ħdejn il-baħar biż-żejt jew meta tkun għadha sħuna bil-butir idub fuqha tajba wisq. U mhux lilna l-Maltin biss togħġob, għax anki meta l-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel kienet f’Malta, darba minnhom marret bix-xufier il-Gżira tixtri ftira għall-kolazzjon ta’ filgħodu.

Il-ftira hija tip ta’ ħobża ċatta bil-ħmira. Ikollha l-forma ta’ qagħqa b’toqba fin-nofs. Issir bl-idejn anki biex tiġi ċatta. Fil-fatt meta ssir bl-idejn jaħirbu ħafna mill-boċċi tal-arja li jkunu maqbudin fl-għaġna biex fis-sħana tal-forn ma togħliex. Tant tiġi ċatta li ma ddumx wisq biex issir fil-forn. Imbagħad, għal palat itjeb, naqra ġunġlien fil-wiċċ.

Il-kelma ftira ġejja mill-verb fattar, jiġifieri ċċattja xi ħaġa. Ta’ min isemmi wkoll il-kelma fatra li tfisser ikla. L-aktar riferenza antika li nafu biha toħodna lura lejn is-seklu tmintax meta Gann Franġisk Agius de Soldanis isemmi x-xawwata, jew kif kienu jsejħulha bit-Taljan schiacciata. Dan it-tip ta’ ħobż kien isir fil-fran tal-Ordni f’dawk iż-żminijiet.

Anki tisma’ biss biha, f’ħalqek ittiegħem il-ftira tqarmeċ bit-tonn taż-żejt, tadam, kappar, żebbuġ, xi basla tal-pikles, fażola u naqra ħabaq maġenb il-baħar.

F’Għawdex għandhom ftira ftit differenti. Aktar milli jużawha bħala ħobż, jużawha bħala pizza. F’Malta naħmuha l-għaġna waħedha imbagħad nimlewha wara li ssir. L-Għawdxin, minflok, idaħħluha fil-forn tal-ħatab bl-ingredjenti b’kollox; tadam, kappar, ġbejna tal-bżar, inċova u fuq kollox patata mqatta’ rqiqa fil-wiċċ. Imbagħad issib min jibdel dak li jitfgħu fuqha skont l-aptit. Hemm min jagħmilha biz-zalzett tal-Malti, bil-majjal, bit-tonn, tiġieġ jew saħansitra ħxejjex biss. Bla dubju bil-patata fil-wiċċ… li tiġi patata l-forn, it-tjubija tinbidel. Issib ukoll Għawdxin li kif jitfgħu il-mili, jitwu l-għaġina u jagħlquha bħall-calzone Taljan.

Minbarra l-benna tagħha, il-kelma ftira hawn min ma jiħux gost biha. Jekk jgħidulek qisek ftira malajr tieħu għalik għax ifissru li qisek ġbara…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN