Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Qisek Mejda tal-Qubbajt

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Bħalma l-festi l-kbar matul il-kalendarju tat-tradizzjoni f’pajjiżna kollha għandhom il-ħelu tagħhom, bħall-figolli, l-prinjolata u l-qagħaq tal-għasel, hekk ukoll il-festa tar-raħal. Ma timmaġinax li fost il-kolonni, tiżjin, bandalori u pavaljuni ħdejn il-knisja ma tarax armata l-mejda tal-qubbajt.

Bħalma festa mhix festa mingħajr banda jew mingħajr il-murtali, hekk ukoll mhix festa mingħajr il-mejda tal-qubbajt. U mhix festa lanqas mingħajr xi għajta bħal “Iż-Zebbuġi hawn!” Għax il-qubbajt ta’ ċertu dulċier Żebbuġi għamel isem aktar minn kull qubbajt ieħor.
Jingħad li l-qubbajt huwa fdal tal-ħakma Għarbija fuq l-Ewropa. Għadhom jinstabu speċi ta’ qubbajt fin-nofsinhar tal-Ewropa fejn kienu jaħkmu l-Għarab.

It-taħlita ta’ għasel jew zokkor mal-lewż għadek issibha fi Spanja, l-Italja, l-Greċja, kif ukoll qribna fi Sqallija u jsejħulha cubbaita… qrib ħafna ta’ kif insejħulha aħna. Jekk ġietx direttament għandna meta l-Għarab kienu hawn, jew inkella ġietx wara żmien minn Sqallija ħadd ma jaf. Il-bejjiegħ tal-qubbajt insibuh imsemmi sa mill-ewwel snin tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta… imma nsomma b’xi mod ġiet għandna u ma ssirx festa li ma narawhiex. Jiddewweb iz-zokkor fuq in-nar, jitħallat mal-lewz, u f’xi każi mal-ġunġlien, tintefa’ t-taħlita fuq irħama biex tiksaħ, imbagħad titqatta’ bċejjeċ.

U bħal kollox, il-qubbajt jagħtina għazla wkoll. Issib qubbajt mill-abjad jew mill-iswed, skont x’tip ta’ għasel jintuża. Issib qubbajt mill-artab jew mill-iebes… u ssib il-penit ukoll, l-aktar għat-tfal.
Dal-ħelu rari tarah jittiekel fil-festa. Aktar jinxtara bħala rigal, speċi ta’ souvenir tal-festa għal xi ħadd li ma marx il-festa, jew bħala xi obbligazzjoni.

Ngħid għalija l-qubbajt qatt ma għamilt għalih. Dik li jew tkisser snienek miegħu, inkella jeħillek ma’ snienek qatt ma ħmiltha. L-inqas li nfittex waqt festa hija l-mejda tal-qubbajt. U kull festa li mmur, kważi kważi rari nara min jixtrih. Imma la jibqgħu jarmaw, sinjal li jbiegħu. Forsi meta ma narahomx jien?

Minkejja li fil-festi bdew jinbiegħu tipi ta’ ħlewwiet oħrajn bħad-doughnuts u l-candy floss, il-qubbajt baqa’ jeżisti xorta. U tant baqa’ jeżisti li fil-lingwa tagħna daħlet il-frażi komuni li xi ħadd li dejjem idur il-festi kollha, ngħidulu: “Qisek mejda tal-qubbajt!”

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN