Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Riħ ta’ Siegħa

Waqt il-Kafè … ma’ Joe Julian Farrugia

Il-Malti jgħid “Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa”. U hekk hu għaliex dak kollu li jistaġ jiġri fi ftit ħin jista’ jibdel kulma jkun sar qabel.

Għalkemm dan il-qawl juża r-riħ biss bħala tixbiħa, fil-gżejjer Maltin ir-riħ dejjem kien importanti għax minħabba li aħna miftuħin f’nofs ta’ baħar, rari ħafna biex issib ġranet li ma jkun fihom riħ xejn.

L-aktar riħ komuni fuq pajjiżna jkun mill-Majjistral u l-aktar żmien li fih jonfoħ ir-riħ huwa fl-istaġun tar-rebbiegħa.

Ir-riħ ma hu xejn ħlief arja miexja minnn post għall-ieħor. Ikun qawwi jew le skont kemm idum biex jimxi minn post għall-ieħor. U dik li ġġiegħel lill-arja timxi hija t-temperatura.

L-arja ma tisħonx kullimkien l-istess, per eżempju fuq il-baħar tisħon inqas minħabba l-frisk tal-ilma, mentri fuq l-art storja oħra. B’hekk l-arja sħuna titla’ ‘l fuq u l-arja kiesħa tinżel ‘l isfel u jkun ikkaġunat moviment fl-arja, li aħna nsejħulu riħ.

Issib min jgħid li r-riħ ħsara biss jagħmel. Imma mhux hekk. Filwaqt li ħafna riħ qawwi veru li jista’ jagħmel il-ħsara, allaħares ma jkunx ir-riħ biex l-ossiġnu mill-foresti jinfirex anki f’inħawi fejn hemm xi deżert.

U allaħares ma kienx ir-riħ meta l-bniedem kien jivvjaġġa fuq l-ibħra permezz tal-qlugħ. L-istess għal dawk li kienu jitħnu l-qamħ, ir-riħ kien li jmexxi l-mitħna biex iwettqu xogħlhom.

Id-direzzjonijiet skont il-boxxla, f’Malta nsibuhom f’din imsejħa l-Warda tal-Irjieħ. L-erba’ rjieħ ewlenin huma t-Tramuntana, Punent, Nofsinhar u Lvant, filwaqt li bejniethom insibu l-Grigal, ix-Xlokk, il-Lbiċ u l-Majjistral.

Il-qawwa tar-riħ tibdel ukoll il-mod kif insejħulu. Meta ma jimxix bl-istess pass, insejħulhom buffuri tar-riħ. Jekk ir-riħ ikun għaddej b’mod kalm insejħulu żiffa. Meta jiżdied insejħulu riħ qawwi u jekk jippersisti jsir riefnu.

Mhux l-ewwel darba smajna xi twissija dwar xi riefnu f’inħawi mikxufin u fejn jaqbel. U meta r-riħ jobrom, isir perikoluż u nsejħulu tromba.

Insomma riħ differenti, direzzjonijiet differenti… u kultant anki bla boxxla jew warda, kulħadd jaf id-differenza bejn riħ fuq u riħ isfel!

 

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN