Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Sammy Bartolo – it-tieni parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Wara li telaq mill-grupp New Courey, Sammy Bartolo ngħaqad ma’ grupp ġdid bl-isem ta’ Harmonics flimkien ma’ Francis Debono u Anthony Camilleri u kienu jdoqqu f’lukanda f’Buġibba.

Mill-festivals, Sammy qatt ma naqas. Kien isir il-Festival tal-Folk fis-sala tal-Università u l-Malta Song Festival fi swali differenti sakemm aktar tard bdew isiru wkoll il-festivals nazzjonali tal-Kanzunetta Maltija.

Fl-1982, wara l-Festival Kanzunetta Maltija, Sammy ntbgħat fi Dresden il-Ġermanja biex jirrappreżenta lil Malta.

Sammy iltaqa’ ma’ Evelyn ta’ età żgħira. Kienu t-tnejn Melliħin u hi kienet tkanta u tieħu sehem fil-festivals ukoll.

Ma kienx faċli li jkollok għerusija meta l-għarus filgħaxijiet dejjem xogħol, għax daqqa għandu rehearsal, jew il-lukanda, jew se jkanta f’xi tieġ.

Imma Evelyn kienet tmur miegħu kull fejn kien ikun, fehmet il-karriera li kellu u dejjem tatu s-sapport li kien jixraq. Miż-żwieġ tagħhom kellhom erba’ wlied bniet; Claudette, Charlotte, Nadine u Luisana.

Sammy kien jaħdem għal rasu fil-kostruzzjoni iżda għal ħafna żmien ix-xogħol ewlieni tiegħu kien il-kant. Kien bniedem riservat. Kellu umiltà li kienet iġġiegħlu joqgħod lura.

Kien bniedem nervuż, iżda fih innifsu, mingħajr ma juri. Għalkemm dejjem għajnejh lejn l-art u mistħi, kien bniedem dħuli u jħobb jiltaqa’ man-nies.

Kien iħobb ħafna l-baħar, kemm biex jgħum u jogħdos kif ukoll biex imur jistad. Kien jieħu pjaċir ħafna meta xi ħadd jistiednu jmur fuq xi lanċa għal-lampuki.

Ma kienx bniedem li jipprattika l-isport iżda meta jkun hemm xi logħba futbol fuq it-televiżjoni kien iżomm mat-Taljani.

Bla dubju l-aktar passatemp għal qalbu kienet il-mużika u l-kantanti favoriti tiegħu kienu Albano u Elton John.

Dwar il-kanzunetti tiegħu, għalkemm l-aktar li kienu jitolbu n-nies hija Il-Bajja tal-Mellieħa, il-favorita ta’ Sammy kienet L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel.

Sammy kien minn tal-bidu fit-twaqqif tal-Għaqda Filantropika Mellieħa u dejjem għen bit-talent tiegħu biex jinġabru l-fondi għal min hu anqas ixxurtjat.

Darba kien mar Katanja ma’ xi kantanti oħrajn biex jirrekordja xi kanzunetti għal kumpanija Libjana. Waqt li kien hemm kienet splodiet bomba fi stabbiliment viċin fejn kienu l-Maltin, u Sammy kellu jqatta’ tliet ijiem aktar milli previst fi Sqallija.

Fil-bidu tal-1997, il-grupp New Cuorey reġa’ ngħaqad biex irrekordjaw CD tas-suċċessi li kellhom qabel, flimkien ma’ kompożizzjoni ġdida bl-isem ta’ Kemm Hu Sabiħ ta’ Paul Abela fuq lirika ta’ Ray Mahoney.

Minkejja li saħħet Sammy bdiet sejra lura, kien hemm anki l-ħsieb li l-grupp imur jagħti xi kunċerti fl-Awstralja. Ix-xorti, iżda, ma riedetx għax Sammy miet ta’ 50 sena fit-22 ta’ Novembru tal-istess sena.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN