Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Sammy Bartolo – l-ewwel parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jekk tkun nieżel minn taħt is-Santwarju tal-Vitorja fil-Mellieħa u tibda tara l-mewġ imelles ir-ramel fil-bajja tal-Għadira, imdawra bil-ġonna, sigar, fjuri, li tgħaxxaq kemm ’l-awturi u ’l-pitturi… bilfors tiftakar f’waħda mill-kanzunetti klassiċi bil-Malti: Il-Bajja tal-Mellieħa.

U marbutin ma’ dik il-melodija u l-lirika tagħha, ma tistax ħlief tisma’ f’widnejk il-leħen inimitabbli u l-kisra romantika ta’ Sammy Bartolo.

Sammy Bartolo huwa Mellieħi u twieled fit-18 ta’ Awwissu tal-1947. Kien l-akbar fost il-ħames ulied ta’ Joseph u Mary mill-Mellieħa wkoll.

Kien tifel kwiet u jobdi. Minn tfulitu deher li se jinġibed lejn il-kant. Beda jidħol minn età ċkejkna fil-festivals li kienu jsiru dak iż-żmien. Infatti l-ewwel sehem tiegħu kien fil-festival organizzat miż-Żgħazagħ Ħaddiema Nsara meta kellu biss 9 snin.

Aktar tard beda juri ħajra għad-drums u għamel xi żmien idoqqhom ukoll. Meta ta’ 15-il sena għaqqad l-ewwel grupp, kienu jiltaqgħu ġo garaxx u joqgħodu jdoqqu hemm.

Minbarra Sammy, kienu Joe Bartolo fuq id-drums, Joe S. Grech fuq il-kitarra, Joe Debono fuq il-bass u Mary Bartolo, oħt Sammy, li kienet tkanta wkoll.

Kif Sammy qabeż l-għoxrin sena, l-grupp inbidel u flimkien miegħu, Joe Bartolo u Joe S. Grech, daħal ukoll Paul Abela. Kienu lkoll Melliħin, għalkemm Paul għamel xi żmien joqgħod il-Mosta. Kienu ħadu kuntratt biex jibdew idoqqu regolarment fil-lukanda Mellieħa Bay.

Ġieli kienu jkunu anki xogħol sebat ijiem fil-ġimgħa. F’dak l-istadju riedu isem. Fil-Mellieħa Bay kienu jgħidulhom in-new hearts tal-lukanda.

Iżda, forsi minħabba l-influss ta’ turisti Taljani, b’xi mod jew ieor l-isem sar New Courey. Fil-lukanda kienu jsiru serati kbar u ġieli kien hemm anki mistednin kantanti barranin jew kummidjanti Ingliżi tal-B.B.C.

Kien żmien il-gruppi fuq ix-xena internazzjonali u allura l-istess hawn Malta. Għalhekk il-grupp Mellieħi, mis-suċċess u l-popolarità li beda jikseb fil-lukanda, tħajjar joħroġ aktar fil-pubbliku u jirrekordja d-diski.

Id-diski ta’ Sammy u n-New Courey huma ħafna u għadhom popolari sa llum; Riviera Blu, Il-Bajja tal-Mellieħa, L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel, Bħal daż-Żmien Konna Flimkien, Għajnejk Sbieħ u oħrajn li jibqgħu klassiċi għal dawk kollha li jsegwu l-kanzunetta lokali; kitbiet ta’ Anthony Fenech, Paul Abela, Joe S. Grech, Alfred C. Sant u oħrajn li ż-żmien qatt ma għamel fuqhom.

Fis-sena 1971, l-erba’ membri tal-grupp telgħu l-Ingilterra fejn qattgħu żmien idoqqu fi Blackpool u f’Manchester.

Fl-1975, tal-Youth Travel Circle kienu rrekordjaw long playing album b’kanzunetti oriġinali msejsa fuq it-triq tas-salib bl-isem ta’ Ikun li trid Int. Il-vuċi ta’ Kristu kien għamilha Sammy.

Il-grupp New Courey kien mar il-Kanada jdoqq fil-klabbs Maltin. L-erba’ Melliħin intlaqgħu tajjeb ħafna u hemmhekk ħarġu d-diska Id-Dgħajsa tal-Latini.

Meta fl-1978, Paul Abela mar Boston jistudja, il-grupp baqa’ jdoqq fil-Mellieħa Bay Hotel u żdiedu żewġ membri ġodda; Godwin Grech u Charles Mifsud. Sammy u n-New Courey kienu ħadu sehem ukoll fi programm televiżiv li kien fih ukoll il-kantanta Mary Spiteri.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN