Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

San Anton

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Xi pjaċir meta fi tfulitna kienu jgħidulna li se joħduna San Anton. L-ewwel ħsieb li jiġi kien li se naraw ix-xadini, l-paguni, l-iġmla u ħlejjaq oħra li f’Malta kont tarahom biss hemmhekk. Dawn minbarra l-papri u ċ-ċinji tal-vaski sbieħ f’dan il-ġnien li għalihom konna nieħdu xi ftit ħobż biex nieħdu pjaċir narawhom jikluh. Min jaf kemm hawn min għandu ritratt ta’ tfulitu ħdejn il-vaski ta’ San Anton.

Imma l-għan ewlieni għala sar San Anton ma kienx li fih ikun hemm annimali eżotiċi, jew post għad-divertiment pubbliku. Il-ġonna ta’ San Anton idawru l-villa fil-kampanja li kien bena għalih il-Kavallier Antoine de Paule fil-bidu tas-seklu 17. Kienet villa akbar mis-soltu għax xtaq li meta jmur iqatta’ xi żmien għall-kaċċa fl-inħawi, ikollu fejn iżomm miegħu lis-servi kollha. Meta l-Kavallier laħaq Gran Mastru, dil-villa tkabbret u saret Palazz, kif għadha sa llum, imsemmi għall-qaddis ta’ isem il-Gran Mastru stess.

Wara l-mewt ta’ De Paule, il-Palazz intuża mill-Gran Mastri ta’ warajh li sabuh eqreb lejn il-Belt Valletta mill-Palazz Verdala. San Anton kien anki l-kwartieri tal-forzi lokali kontra l-armata Franċiża waqt il-ftit żmien li l-qawwiet ta’ Napuljun damu fuq gżiritna. Fih kienet tiltaqa’ l-Assemblea Nazzjonali biex tiddiskuti l-andament tal-konfront.

Meta imbagħad ġew l-Ingliżi, l-Palazz kien ir-residenza tal-akbar awtorità Britannika f’Malta; mill-Kummissarju Ċivili sal-Gvernaturi u Gvernaturi Ġenerali. Wara li Malta saret Repubblika, kull President kellu fil-Palazz ir-residenza uffiċjali. Il-Palazz fih żewġ kappelli, waħda ddedikata lill-Madonna tal-Pilar u oħra ta’ Sant Antnin li oriġinarjament kienet kappella Protestanta. Maż-żmien din l-istess kappella kienet konvertita għar-reliġjon Ortodossa Russa, imma issa hija kattolika bħall-kappella l-oħra. Fuq il-Palazz hemm torri li kien tqassar fi żmien l-Ingliżi wara li ntlaqat minn sajjetta.

Uħud mill-ġonna ta’ madwar il-Palazz infetħu għall-pubbliku għall-ewwel darba fil-bidu tas-seklu 19, imbagħad ingħalqu u reġgħu infetħu lejn tmiem l-istess seklu. Fih passaġġi ħelwin bejn siġar ta’ kull daqs u għamla minn inħawi differenti tad-dinja.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN