Bonġu Kafé
Kurżitajiet

San Bert u l-Imfietaħ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

L-24 t’Awwissu huwa jum San Bert. U meta ngħidu San Bert ma nkunux qegħdin nirreferu għal San Albert, li kien hawn aktar minn wieħed, imma għal San Bartilmew l-Appostlu, dak li jagħmlulu festa f’Ħal Għargħur.

Jingħad li Bartilmew tlaqqa’ ma’ Ġesù min Filippu li sar Appostlu wkoll. Skont l-iskrittura, Bartilmew kien wieħed mill-magħżula, dejjem ma’ Filippu, li assista għat-trasfigurazzjoni fuq il-muntanja Tabor, meta Kristu deher abjad daqs is-silġ b’Mosè u Elija fuq kull naħa tiegħu.
It-tradizzjoni tgħid li wara t-trasfigurazzjoni, Bartilmew mar fuq missjoni fl-Indja. Hemm min jgħid li mar fl-Etijopja u artijiet oħrajn qrib. Jgħidu li kienu hu u l-appostlu sieħbu Ġuda Taddew li kkonvertew lill-Armenja.

Il-martirju ta’ San Bert kien partikolari. Għalkemm kull martirju huwa kiefer, dan kien skabruż. San Bert tqaxxar ħaj u kull fejn tara pittura jew statwa tiegħu, dejjem narawh iżomm il-ġilda sħiħa tiegħu f’idu. Kważi kważi ngħid li xbihat hekk lanqas għandna nħallu t-tfal jarawhom. Jimpressjonaw ruħhom żgur.

Id-devozzjoni lejn dal-qaddis ma teżistix biss Ħal Għargħur. Teżisti wkoll l-Armenja u postijiet oħrajn fejn kien żar matul ħajtu, imma mhux biss. Per eżempju fil-gżira Taljana ta’ Lipari jingħad li darba waqt il-festa annwali, kienu qed jerfgħu l-istatwa tiegħu f’niżla lejn il-belt imdawrin bil-poplu tal-gżira. F’daqqa waħda l-istatwa tqalet u kellhom iniżżluha fl-art. Reġgħu ippruvaw ikomplu t-triq u l-istatwa kienet itqal minn qabel. Qatgħu qalbhom li mhumiex se jaslu l-belt fil-ħin. F’daqqa u l-ħin, ftit’l isfel fl-istes niżla, sfronda l-ħajt tul it-triq. Kieku l-istatwa ma tqalietx, il-poplu kien ikun aktar ‘l isfel u kien jintradam taħt dak il-ħajt. Bla dubju wara dik il-ġrajja d-devozzjoni kibret.

It-tradizzjoni ta’ San Bert f’Malta tirrigwarda t-temp. Jgħidu li fl-24 tax-xahar, dal-qaddis jagħti l-imfietaħ biex jinfetħu bwieb is-sema u b’hekk tibda’ tagħmel ix-xita. Mhux għax normalment tagħmel xi ħafna xita! Għax naħseb San Bert mhux jiftaħhom bwieb is-sema, imma jbexxaqhom kemm kemm għal xi bexxa xita biex kif inkunu wasalna biex ninxtwew għal kollox, isalvana xi ftit. Veru li ġieli ġraw eċċezzjonijiet u għamlet xi ħalba tajba, imma mhix in-norma.
Did-darba nistennew u naraw.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN