Bonġu Kafé
Kurżitajiet

San Dimitri

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Mhux xi  qaddis magħruf ħafna f’pajjiżna, imma l-Għawdxin jafuh sew. L-unika kappella ddedikata lilu tinsab f’Għawdex, eżatt fin-naħa ta’ fuq tal-gżira, barra l-Għarb. Hija kappella mdawra bil-kampanja taħt ir-riħ tal-Fanal tal-Ġurdan, mhux bogħod mill-baħar.

Huwa qaddis Grieg minn Tessalonika, martri tal-raba’ seklu. F’pajjiżna għandu leġġenda marbuta miegħu li toħodna lura lejn is-snin meta l-furbani kienu komuni ħafna fil-baħar li jdawwarna, u Għawdex kien l-inqas post li kellu protezzjoni kontra dawn it-tip ta’ ħallelin fuq il-baħar. L-Għawdxin, li ħafna minnhom kienu jaħdmu l-għelieqi, ftit kellhom fejn jinħbew kull meta dawn il-furbani jiġu biex jisirquhom bħala lsiera. Kellhom biss il-kastell f’nofs il-gżira imma mhux kulħadd kien ilaħħaq jinġabar ġewwa fih kull meta l-kursari kienu jaħbtu għalihom.

F’waħda minn dawn l-attakki, l-furbani kienu daħlu għand Natalizja mlaqqma Żgugina li kienet toqgħod qrib il-kappella. Warrbuha f’ġenb u serqulha lil binha l-waħdieni. Telqu bih għal fuq ix-xini fil-viċin u baħħru ‘l hemm.

Żgugina ma kellha lil ħadd min jgħinha u telqet imbikkija titlob fil-kappella lil San Dimitri. Wegħditu li jekk jirnexxilu jġibilha lil binha lura, minkejja l-faqar tagħha, tixgħellu qasba żejt.

Skont il-leġġenda, Żgugina baqgħet mistagħġba mhux ftit meta San Dimitri deher jinqala’ mill-pittura li hemm fil-knisja u jħaffef fuq iż-żiemel tiegħu fid-direzzjoni ta’ fejn salpa l-ġifen. Huwa baqa’ għaddej ilebbet anki fuq wiċċ il-baħar wara l-ġifen tal-furbani. Ftit ħin wara San Dimitri reġa’ lura fil-kappella tiegħu bit-tfajjel f’dirgħajh u tah lura lil ommu… u reġa’ daħal fil-pittura.

Imma l-istorja ma tieqafx hemm. Jgħidu li wara żmien kien sar terremot qawwi u l-blata li kienet fuqha l-knisja waqgħet il-baħar bil-kappella b’kollox… u l-kappella baqgħet sħiħa taħt il-baħar. Is-sajjieda u dawk li jiffrekwentaw l-inħawi jgħidu li meta l-baħar ikun żejt, jilmħu dawl inemnem minn qiegħ il-baħar, li jingħad li hi t-tazza taż-żejt li xegħlet Żgugina għadha tnemnem anki taħt l-ilma.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN