Radju Kafé
Kurżitajiet

San Girgor u t-tradizzjoni tal-ewwel għawma

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Nhar l-Erbgħa kien San Girgor. Jgħidu li ilhom jiċċelebrawha xi 500 sena u tmur lura għal wegħda li kien għamel il-poplu fi żmien il-pesta.

Il-wegħda kienet li jekk San Girgor jeħles lill-poplu mill-marda qerrieda, jagħmlu pellegrinaġġ kull nhar ta’ Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir sal-knisja ta’ dan il-qaddis f’tarf iż-Żejtun.

U hekk kien isir. Kienu jieħdu sehem il-konfraternitajiet ta’ kull parroċċa, jibdew mill-Katidral tal-Imdina u jibqgħu sejrin saż-Żejtun, in-naħa l-oħra ta’ Malta. Hemm hekk issir quddiesa u jkantaw il-Miserere, jiġifieri jitolbu Ħniena.

Naturalment wara mixja bħal dik, bix-xieraq kienu jinżlu fil-bajja qrib, Marsaxlokk, jitrejqu u jistrieħu xi ftit. Xi 40 sena ilu niftakar il-pellegrinaġġ kien jibda minn Ħal Tarxien saż-Żejtun u kien jieħu sehem l-Arċisqof u ħafna qassisin. Imma issa l-pellegrinaġġ qed isir biss minn tarf għall-ieħor taż-Żejtun stess; minn San Klement sa San Girgor. U n-nies li jattendu naqsu wkoll… u kif!

Imma l-mawra sa Marsaxlokk baqgħet popolari, anki minn dawk li lanqas jersqu lejn il-pellegrinaġġ. Ħafna gabbani tal-ikel, ħelu u xorb… u jkun hemm min jieħu l-ewwel qabża fil-baħar dakinhar ukoll.

Bħala tradizzjoni antika, ix-xalata ta’ San Girgor f’Marsaxlokk dejjem kienet marbuta mal-għana. Ħafna għannejja jistennew San Girgor għax ikollhom opportunità jgħaddu ġurnata sħiħa fid-delizzju tagħhom.

U kulħadd jgħanni, jixrob jiffanga u jgħum… ad unur il-qaddis protettur tal-pesta. Min miet fil-pesta… u dawk li salvaw (ossija l-anteati tagħhom), jiffangaw u jixxalaw. U ma jkantawx il-Miserere jew jitolbu Ħniena.

Dik hi l-ħajja. Saret wegħda ta’ sagrifiċċju talli salvaw, imma maż-żmien ħafna x-xalata biss baqgħu jipprattikaw.

U xi ngħidu għat-tombla? Ir-ritratt ta’ hawn fuq joħodna lura għexieren ta’ snin u juri n-nisa jilgħabu t-tombla. Rari kont tara raġel jilgħab it-tombla. U waqt it-tombla tisma’ laqmijiet ta’ numri: id-90 ix-xiħa, it-22 is-sorijiet u ħafna numri oħra bil-laqam tagħhom.

Insomma, probabbli ix-xiħa u s-sorijiet imorru l-pellegrinaġġ, imma l-oħrajn kollha jinżlu Marsaxlokk biex jixxalaw biss.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN