Bonġu Kafé
Kurżitajiet

San Patrizju… Patrun tal-Birra?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Nhar il-Ħadd li ġej huwa Jum San Patrizju, St Patrick. Għalina l-Maltin dal-jum ifisser ħafna xalar u nies jixorbu l-birra biex niċċelebraw jum dan il-qaddis li bilkemm nafu min hu. Imma mbasta nixorbu.

San Patrizju huwa wieħed mill-patruni tal-Irlanda. Ir-reliġjonijiet kollha li hemm fl-Irlanda jqisuh bħala l-bniedem li għamel lill-Irlanda Kristjana. Jingħad li kien Ruman/Britanniku u għex fil-ħames seklu. It-tradizzjoni tgħid li kien ikkonverta lill-Irlandiżi li qabel kellhom reliġjon oħra tal-Celts. Jingħad ukoll li kien sar l-Isqof Primat tal-Irlanda. It-tradizzjoni tgħid ukoll li kien miet fis-17 ta’ Marzu.

Jiġifieri s-17 ta’ Marzu, il-ħafna birra li tinxtorob tiċċelebra l-mewt tiegħu. Kif nafu l-kulur tal-Irlanda huwa l-aħdar minħabba x-shamrock u allura dal-kulur huwa marbut ukoll ma’ dan il-qaddis patrun tal-pajjiż. Lil San Patrizju narawh liebes il-lewn aħdar u fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-jum tiegħu ġieli anki jħalltu ftit kulur tal-ikel blu mal-birra, biex l-isfar tal-birra jsir aħdar. Did-drawwa jingħad li kien bdieha l-Professur Thomas Curtin fl-1914 fi New York.

Il-kulur aħdar marbut ukoll mal-Furjana. Xi mitt sena ilu, kien hemm l-Irish Fusiliers stazzjonati fil-Furjana. Timijiet tal-futbol ma tantx kien hawn u t-tim Furjaniż kien lagħab xi tliet friendlies ma’ dan il-Fusiliers Irlandiżi. War li bidlu l-flokkijiet, il-Furjaniżi tant għoġobhom il-kulur li żammewh għalihom u addottaw dak il-kulur għall-klabb tagħhom. Maż-żmien, infatti l-Furjaniżi saru magħrufa bħala “Tal-Irish.”

Fil-Furjana kull sena jiċċelebraw Jum San Patrizju… u jiċċelebrawh bil-birra Irlandiża. Imma mhux hemm biss. San Ġiljan jiċċelebrawh ukoll. Għal dakinhar l-attività ta’ Paceville timxi ftit mijiet ta’ metri lejn il-Pjazza ta’ San Ġiljan. U l-Maltin jikkonkorru. Ikunx San Patrizju jew San Krispin, l-aqwa li jsibu okkażjoni biex jiċċelebraw u jixorbu. Nittama li San Publju u San Ġiljan ma jiħdux għalihom li l-kollega tagħhom Patrizju qed ikollu nies jixorbu aktar milli jkun hemm fil-festa tagħhom. U nittama li San Patrizju ma jaħsibx li bil-globalizzazzjoni l-Irlanda ġiet fil-Mediterran. Għandu jifhem li aħna l-Maltin, jekk jista’ jkun, niċċelebraw il-festi tal-qaddisin kollha, imbasta nixorbu. U nispera ma jaħsibx li mbilli jkun hemm eluf miġbura f’ismu jixorbu, ma jfissirx li dawk huma xi devoti tiegħu.

Jien sejjaħtlu Patrun tal-Birra, forsi stajt insejjaħlu Patrun tal-Patata… għax ħafna jsiru patata f’ismu… imma aħjar sejjaħtlu Patrun tas-Sakranazzi…

Agħmilli ieħor!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN