Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Sant’ Anġlu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Meta toħroġ fuq il-Barrakka ta’ Fuq, tara waħda mill-isbaħ veduti ta’ pajjiżna. Il-Port il-Kbir tagħna, port naturali, huwa impressjonanti tassew. U fin-nofs ta’ dik ix-xena eċċezzjonali ssib il-forti ta’ Sant’ Anġlu, donnu ġgant felħani b’idejh marbutin kburi jħares il-port ta’ pajjiżna. Huwa, tista’ tgħid, is-simbolu tal-istorja ta’ Malta.

Jinsab fit-tarf tal-Birgu, imdawwar bil-baħar sabiħ u min jaf kemm għandu ġrajjiet x’jgħidilna. Imma aħna nistgħu ngħidu biss dawk li nafu aħna. L-oħrajn inħalluh iżommhom sigrieti għandu bejn il-ħitan misterjużi tiegħu. Ebda fortifikazzjoni oħra f’pajjiżna ma kienet involuta daqs Sant Anġlu fl-istorja mqanqla ta’ Malta. Kull min ħakem lil Malta dejjem ra l-bżonn li jkollu lil Sant Anġlu taħt il-kontroll tiegħu biex imexxi l-gżejjer tagħna b’mod effettiv.

Sekli twal ilu kien magħruf bħala Castrum Maris, kastell ħdejn il-baħar. Kien ħafna iżgħar milli nafuh illum. Meta waslu l-Kavallieri u ma ridux joqgħodu fl-Imdina minħabba l-bogħod mill-iġfna tagħhom, għazlu lil Sant Anġlu minn fejn imexxu lill-gżejjer tagħna, qrib il-bastimenti tagħhom. Hemmhekk kienet ir-residenza tal-Gran Mastru fl-ewwel snin tal-Ordni f’Malta. Minn hemm ġew tmexxew it-truppi tal-Ordni waqt l-Assedju l-Kbir kontra l-qawwa Torka. Il-Misilma riedu jirbħu lil Sant Anġlu biex jieħdu lil Malta taħt idejhom, imma ma rnexxilhomx.

Wara l-Assedju, l-Kavallier saħħew il-Forti b’għadd ta’ swar li għadhom weqfin sa llum. Bil-bini tal-belt Valletta, l-Gran Mastru sar resident tal-belt il-ġdida, imma l-kwartieri tal-forzi armati baqa’ dejjem Sant
Anġlu.

Il-Forti ssaħħet aktar kemm fis-snin ta’ wara taħt il-Kavallier, kif ukoll taħt l-Ingliżi. Dawn tal-aħħar kienu jqisu lill-forti bħala bażi tan-navy tagħhom. Fil-bidu tas-seklu għoxrin kienu semmewha HMS Egmont, imbagħad fis-snin tletin biddlu isimha għal HMS St Angelo.

Fit-tieni gwerra dinjija, Sant Anġlu reġa’ kien protagonist kontra l-attakki mill-ajru fuq il-port fejn il-Maltin kienu jilqgħu il-provvisti biex ikomplu jkollhom x’jieklu. Kien ukoll protagonist kontra l-attakki fuq it-tarzna fil-qrib. Sant Anġlu ntlaqat 69 darba waqt l-attakki.

Illum Sant Anġlu jibqa’ l-ġgant ħiemed f’nofs il-port… simbolu qalbieni f’jiem ta’ paċi… monument ta’ ħafna nies li ħallew ħajjithom fil-post għall-ġenerazzjonijiet tagħna. Hemm ġew kienu ndifnu anki 4 Gran Mastri. Kienu imbagħad inqalgħu biex reġgħu indifnu fil-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann fil-belt Valletta.

Jissemmew stejjer anki dwar preżenza sopranaturali fil-Forti Sant Anġlu…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN