Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Settembru

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

F’Malta u Għawdex magħruf għar-riħ isfel: ajru xejn ċar, ċlampu u tidlik kbir. Ix-xahar ta’ Settembru huwa żmien ta’ trasformazzjoni f’pajjiżna bejn is-sħana kbira tas-sajf  u qlib tat-temp għat-tempesti, sajjetti u temperaturi eqreb lejn tax-xitwa. Iżda sakemm jasal dak, huwa xahar li fih it-temperatura tonqos ftit, iżda tinħass iktar minħabba l-umdità għolja.

Settembru huwa d-disa’ xahar, kemm fil-kalendarju Ġuljan kif ukoll f’dak Gregorjan. Huwa wieħed mill-4 xhur li fihom 30 ġurnata. Hawn min isejjaħlu x-xahar tal-Vitorja. Jekk ma tkunx diġà għamlet lejn tmiem Awwissu, f’Settembru tagħmel l-ewwel xita. Il-bdiewa jippreparaw id-demel fl-għelieqi, inixxfuh fl-eqqel tax-xemx biex kif tinżel l-ewwel xita tħalltu mal-ħamrija u tagħtih is-sustanzi meħtieġa għaż-żergħa tal-istaġun li jmiss. Tara rġiel iħallbu l-bjut tad-djar biex jekk is-sħana esaġerata tkun fetħet xi konsentura tingħalaq qabel l-ewwel ħalba. Tara wkoll ħafna li wara l-ewwel raxxa joħorġu jaqbdu l-bebbux. Imsieken il-bebbux ikunu ilhom sajf sħiħ taħt xi ġebla u jsibu ċans joħorġu biss meta l-art tixxarrab u tkun għalihom faċli jiċċaqilqu minn post għal ieħor. Imma jsibu min jippreferihom f’xi borma stuffat inkella aljoli mal-kappar, żebbuġ, tewm, ħall u biċċa ħobż tqarmeċ tal-Malti.

Fuq kollox lejn tmiem Settembru jerġgħu jinfetħu l-iskejjel. It-tfal u l-għalliema jkunu ilhom bogħod mill-iskola sa mill-bidu tas-sajf u wara l-mistrieħ jerġgħu jiltaqgħu għal sena skolastika ġdida. Issib tfal li jitilgħi minn klassi għal oħra fl-istess skola u oħrajn li mill-Primarja jmorru s-Sekondarja u allura jibdlu l-binja u ġieli anki l-lokalità tal-iskola tagħhom.

Settembru ġieli jagħtina l-akbar maltempata tas-sena. Wara ħafna sħana, l-iskoss fit-temperatura ġieli jagħmel dan. L-ewwel xita, jekk tkun kbira, dejjem tnaddaf it-toroq u s-siġar mit-rabijiet tan-nixfa sajfija. U minkejja li jkun għadu l-istaġun tal-għawm, l-għada ta’ xi maltempata, ftit nies jinżlu l-baħar minħabba li t-trabijiet ikunu kollha niżlu fil-bajjiet, u allura l-baħar ikun għadu ma ssaffiex.

L-antiki kienu jgħidu li “Xemx ta’ Settembru tiftaħ il-bibien tar-rixtellu”. Dan għaliex ix-xemx ta’ dan ix-xahar, ma’ xi naqra xita hija tajba ferm għall biedja u allura wara s-sajf jista’ jiftaħ ir-rixtellu tar-raba’ biex jibda jaħdem staġun ġdid.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN