Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Soppa tal-Armla

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Minn dejjem kont nistaqsi x’għandha x’taqsam l-armla ma’ soppa bil-bajd u l-ġbejniet. Ommi kienet tagħmilhielna ħafna, anki ħafna qabel saret armla. Imma jingħad li tissejjaħ hekk għaliex kienet borma tal-foqra.

Fl-imgħoddi, meta lanqas penzjonijiet ma kienu jeżistu, mara li tormol ma kienx ikollha wisq biex tgħix u allura laħam ma tantx setgħet tixtri. Allura kienet tagħmel il-ġbejniet hi stess biex għallinqas tieħu l-proteini minnhom. Il-ġbejniet tagħmilhom jew mill-ħalib tal-mogħoż inkella tan-nagħaġ skont xi tkun qiegħda trabbi.

Min-naħa l-oħra, hemm min jgħid ukoll li r-romol kienu jmorru jħabbtu l-bibien biex jittallbu xi ħaġa biex jimlew il-ħawsla… u min kien jagħtihom xi żewġ patatiet, inkella xi pastarda, xi żewġ basliet, xi bajda jew xi ġbejna… u hemm kien ikollha biex tagħmel din il-borma. U għalkemm qegħdin nattribwixxuha biss lill-foqra, xorta hija borma għanja ħafna u bnina.

Hawn min jikolha bħala soppa inkella bħala stuffat. Infatti hawn min isejħilha Stuffat bil-Bajd u l-Ġbejniet. Għax jekk tħalliha fuq in-nar, il-likwidu jagħqad u jsir zalza u l-borma tiġi stuffat, minflok bil-laħam tal-majjal inkella fenek, tkun bil-bajd u l-ġbejniet… bla laħam xejn u allura tajba wkoll għal żmien is-sawm.

Mal- pastard, basal, bajd u ġbejniet, fir-riċetta jiżdiedu wkoll il-kunserva tat-tadam, tewm u zunnarija. Il-pastard jitħalla kemmxejn kbir, fjuri fjuri, u jibqa’ l-akbar ingredjent fil-platt mal-ġbejniet u l-bajd. Il-ġbejniet jerħu t-tjubija tagħhom u jkomplu jżidu mal-benna tal-ikla. Imma l-bajd jintefgħu fl-aħħar tar-riċetta, inkella jsiru wisq. Jitfgħu bajd skont kemm se jieklu nies mill-ikla.

Kif il-borma tkun lesta, ftit qabel titfiha, twarrab l-ingredjenti kollha fil-ġenb biex tħalli spazju bil-likwidu biss f’nofs il-borma, u hemmhekk tofsoq il-bajd waħda waħda, li jgħaqdu fi ftit sekondi u jkomplu jħawru t-tjubija tal-borma. U minbarra li tieħu pjaċir tikolha, tkun anki sabiħa fil-għajn ġol-platt, bil-pastard, bajd u ġbejna fuq il-bqija tas-soppa.

Imma kemm għandna riċetti tajbin hux… mhux ta’ b’xejn inħobbu nieklu.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN