Radju Kafé
Kurżitajiet

Stage Commandos – kumpanija li ħarġet mill-ħitan tat-tarzna

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

U la bdejna dwar Charles Clews, illum se nkomplu dwar il-kumpanija teatrali komika li kien waqqaf fl-aktar post fejn ma kontx tistenniha.

Matul it-tieni gwerra dinjija, l-akbar numru ta’ attakki mill-ajru kienu jsiru madwar il-Port il-Kbir, partikolarment in-naħa tat-tarzna. Charles kien jaħdem hemm u l-periklu kien kontinwu bl-għadu jipprova jfixkel mit-tiswija ta’ bastimenti li kienu lesti joħorġu jiġġildulu.

Minkejja li taħt il-bombi neżlin, il-ħaddiema riedu jkomplu xogħolhom u b’xi mod riedu jehdew. Fil-brejk kien hemm min joqgħod idoqq il-mouth organ jew ikanta xi kanzunetta Naplitana jew jgħid xi ċajta. Il-ħaddiema kienu jinġabru madwarhom u dan it-tip ta’ divertiment beda jingħoġob. Minbarra Charles Clews kien hemm nies bħal Nestu Laiviera, Lorrie Bellizzi u Freddie Underwood.

Il-ħaddiema malajr għamlu palk żgħir b’xi kaxxi tal-injam u bdew jiġu jsegwu anki ħaddiema oħrajn mill-inħawi kollha tat-tarzna. L-organizzazzjoni kienet f’idejn Charles Clews li beda jibża’ li se jaqla xi ċamata minħabba li ġieli anki qabżu ħin il-brejk. Clews beża’ li se jitkeċċa meta darba fost l-oħrajn kien ordnat jitla’ quddiem l-Ammirall Ingliż. Kien rassenjat li se jitkeċċa. U dak iż-żmien ma kontx issib impjieg ieħor malajr. Iżda l-Ammirall mhux talli ma ddixxiplinahx, talli rringrazzjah għax b’hekk Charles kien qed jgħolli l-moral ta’ sħabu l-ħaddiema fi żmien tassew diffiċli.

Dak kollu kien il-bidu ta’ kumpanija ġdida tal-palk bl-isem ta’ Stage Commandos, isem li huwa wkoll imnebbaħ minn żmien il-gwerra. Il-kumpanija ħarġet mill-ħitan tat-tarzna wkoll. Kienu għamlu serata f’każin fil-Ħamrun fl-1943 u daru Malta kollha. Kienu jtellgħu kummiedji, operetti, kant ta’ makjetti u varjetà ġenerali, u n-nies kienet tattendi bi ħġarha. Tant kienu saru popolari li anke meta kien jiftaħ xi teatru ġdid f’xi raħal, għall-ftuħ uffiċjali kienu jistiednu lill-iStage Commandos.

Maż-żmien, il-kumpanija Rediffusion innutat il-popolarità tal-kumpanija u Charles Clews intalab biex joħloq programm għar-radju. B’hekk kien twieled il-programm Radju Muskettieri li dan għaddej ħafna snin. U waħda mill-isketches popolari f’dan il-programm kienet dwar Karmena Abdilla. Tant in-nies  kienu jitkellmu dwarha li Charles u sħabu ddeċidew li jagħmlu kummiedja li fiha jżewġu lil Karmena, parti li dak iż-żmien kienet tinħadem minn raġel; Nosi Ghirlando.

It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla ttellgħet fuq kull palk ta’ Malta u Għawdex; mill-akbar teatri taċ-ċinema sal-iżgħar swali tal-kappillan fl-irħula. Il-biljetti kienu jkunu f’forma ta’ invit tat-tieġ… u l-farsa kienet tinkludi l-qsim u t-tqassim tal-kejk ukoll!

Jekk naqbad nikteb dwar Charles Clews, l-Istage Commandos u r-Radju Muskettieri ma niqafx…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN