Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Star of Malta

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

Żgur li kulħadd jiftakar id-diżgrazzja tal-Costa Concordia; dak il-vapur tal-passiġġieri li nqaleb viċin Isola del Giglio fl-Italja. Imma ftit jafu li fis-snin 50 seħħ inċident simili f’pajjiżna.

Il-vapur Star of Malta kien jivvjaġġa regolarment bejn il-Port il-Kbir u Sirakuża fi Sqallija. Kien iġorr turisti Maltin jew Taljani kif ukoll provizjon u merkanzija oħra.

Nhar id-29 ta’ Lulju tal-1955, kmieni filgħodu l-vapur kien qiegħed jersaq lejn gżiritna bħas-soltu wara l-vjaġġ f’nofs il-Mediterran. Iżda dakinhar tant kien ċpar fuq il-baħar li ma kienx faċli għall-kaptan li jasal kif kien jagħmel b’tant faċilità drabi oħrajn.

Għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu l-vapur rikeb fuq is-sikka tal-Merkanti barra l-Ponta tad-Dragunara f’San Ġiljan. Il-passiġġieri ħassew skoss kbir u nstema’ ħoss ġej mill-qiegħ tal-bastiment. Fil-pront  il-vapur beda jmil fuq ġenbu u partijiet mill-vapur ġew taħt wiċċ l-ilma. Il-Kaptan ordna lil kulħadd jibqa’ abbord imma kien hemm min ma tax kasu u qabeż il-baħar. Dan minkejja li l-art ma kinitx tidher. Fil-fatt l-inċident ġara biss inqas minn 200 metru bogħod mill-art imma ċ-ċpar tant kien oħxon li ma bdietx tidher.

Xi passiġġieri bdew jgħajtu għall-ajjut imma ma bdewx jinstemgħu mill-art. Imnalla kien tifel li kien qiegħed jistad viċin li sema’ l-ħoss tal-vapur jaħbat mas-sikka li qanqal is-sejħa għall-għajnuna. Waslu fuq il-post il-forzi Ingliżi biex għenu fis-salvataġġ. Dakinhar l-inċident ħalla żewġ vittmi: Abel Grech impjegat fil-kċina tal-vapur u Mary Borg mara minn Tuneż.

Fi ftit ħin, it-traġedja barra mid-Dragunara kienet fuq fomm kulħadd u kif iċ-ċpar beda jonqos ħafna nies inġabru fuq il-post isegwu dak li ġara. Il-vapur inzerta mimli larinġ u lanġas li spiċċa f’wiċċ il-baħar tal-inħawi. Dawk li marru jaraw x’ġara ma marrux lura d-dar b’xejn.

Iżda dak ma kienx it-tmiem tal-vapur Star of Malta. Il-vapur ittella’, issewwa f’Messina u ħadem għal ħafna ħafna snin aktar bħala jott lussuż.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN