Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Stikka, Lembut jew tal-Barmil

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Xi pjaċir meta kienu jixtrulna ġelat! Qabel ma kienx ikollna ġelati fil-freezer tad-dar. Allura jekk ma jiġix xi ħadd ibiegħ il-ġelat wara l-bieb idoqq melodija  tidħollok fit-tambur ta’ widnejk, imma tqanqallek l-aptit fl-istonku għal xi ħaġa tajba u kiesħa, kien ikollna noħorġu biex ingawdu ġelat.

Kont issib vannijiet ibiegħu ħdejn il-baħar u ħafna minnhom kien ikollhom il-magna li minnha jinżel il-ħelat f’forma nnukklata ħelu ħelu għal ġo lembut tal-wejfer, l-aktar imħallat vanilla u ċikkulata. Imbagħad kien jagħmillek naqra ġamm u xi ftit karawett u tħossok il-ġenna. Anzi ġieli kien ikollu l-ġelat tas-slajs ukoll; ġelat f’forma ta’ trijanglu għat-tul, ompoġġi bejn żewġ wejfers irqaq u attent int u tieklu li ma jilħaqx jibda jqattar fuqek.

Imbagħad kien hemm il-ġelati li tixtrihom mingħand tal-ħwienet tax-xorb l-iktar. Kien ikollhom freezer b’poster tal-landa mwaħħal magħha biex fuqha tara x’għażla ta’ ġelati għandhom bir-reklam tad-ditta li tagħmilhom. Dak iż-żmien ditti Maltin biss kien hawn, u kienu tajbin veru!

Kont issib ġelati bl-istikka; lollipop tal-ġelat; jew silġa b’xi togħma tal-lumi, frawli, larinġ jew wieħed blu li jibdillek il-kulur ta’ xufftejk. Tal-istikka kien hemm ukoll li jkun fih il-ġelat bil-ħalib. Dawn kienu jew ikunu miksijin biċ-ċikkulata inkella l-Mivvi b’qoxra rqiqa tas-silġ b’togħma jew tal-frawli jew pineapple.

Imbagħad kellek il-ġelat klassiku fil-lembut, il-cone. Kien ikun miksi fil-karta, tneħħilu l-għatu u l-karta ta’ madwaru u fuq nett kien ikollok kisja ta’ ċikkulata u xi karawett.

B’differenza minn tal-istikka u tal-lembut, meta tixtri ġelat tal-barmil kien jagħtik kuċċarina tal-injam biex tieklu biha. Tal-barmil kont issib togħmiet differenti l-aktar vanilla, frawli jew ċikkulata. Kien hemm forma ta’ barmil aktar għat-tul bil-boċċa tal-bubble gum fil-qiegħ, u attent ma tiblagħhiex! Imbagħad kien hemm barmil itwal bil-granita. Kien hemm żmien kont insib granita tal-lewż morr u ma kont nibdlu ma’ xejn.

Insomma l-ġelati tajbin wisq…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN