Bonġu Kafè
Lokali

Strina

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Minkejja li hija biss bidla minn xahar għall-ieħor, mill-aħħar ta’ Diċembru għall-ewwel jum ta’ Jannar, u allura fis-sena l-ġdida, il-bidla minn sena għall-oħra dejjem kienet iċċelebrata bħala ċelebrazzjoni ta’ tama li ż-żmien li ġej ikun sabiħ u mimli prosperità, jekk jista’ jkun aħjar minn dak li għadda.

Minkejja li kien hawn ħafna faqar, fl-imgħoddi l-Maltin xorta kienu jiffesteġġjaw, bil-mezzi li kellhom, din il-bidla. Fl-aħħar tas-sena kienet komuni li fit-toroq u sqaqien jitfaċċa xi grupp ta’ rġiel idoqqu l-flawt, iż-żaqq u t-tambur. Kienu anki jdoqqu wara l-bibien bit-tama li dak jew dik li tkun jagħtuhom xi ħbub jew xi sold. Meta kienu jaslu quddiem id-dar ta’ xi sinjuri, kienu jistennew li jdaħħluhom ftit ġewwa u jagħtuhom xi grokk u xi ħaġa x’jieklu wkoll. Bħala tpattija, fid-dar l-irġiel kienu jagħmlu xi reċta qasira biex tgawdiha dik il-familja sinjura… u naturalment dawk kienu jagħtu aktar minn ħbub jew soldi.

Kien hemm gruppi li mal-mużiċisti kienu jġorru wkoll xi pupu kbir magħmul minn ilbies veru mimli bit-tiben. Il-pupu kien jissimbolizza s-sena li se tintemm u allura kienu joqgħodu jqabbżuh u jiżżufjettaw għax se jeħilsu minnu.

Maż-żmien saret moda li f’nofsillejl kulħadd jistenna l-ħoss tal-vapuri fil-port idoqqu l-ħornijiet biex iħabbru l-bidu tas-sena.

Nhar l-ewwel tas-sena t-tfal kienu jistennew l-istrina. Din kienet tkun rigal ta’ flus mingħand iz-zijiet, in-nanniet kif ukoll mill-parrini kemm tal-magħmudija u tal-griżma. It-tfal kienu jħeġġu lill-ġenituri jfittxu joħduhom għand in-nanniet u z-zijiet biex jaraw kemm se jaqilgħu dakinhar. Hemmhekk kien ikun l-għors tan-nanniet u z-zijiet jikkumplimentaw lit-tfal kemm huma bravi u jippreparawlhom xi biċċa qagħqa tal-għasel, xi naqra kokkodina inkella l-qastan fl-imbuljuta sħuna li tinżel għasel fil-kesħa ta’ dawn iż-żminijiet.

Maż-żmien il-flus fl-istrina bdew jinbidlu u bdew jingħataw rigali differenti. Maż-żmien anki l-ġurnata tal-għoti tar-rigali nbidlet u dawn bdew jingħataw fil-Milied minflok fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida.

Illum rari ssib min jagħti flus fl-ewwel tas-sena. Minflok il-kelma Strina ntrabtet mal-attività nazzjonali li fiha jinġabru flus għall-karità… u lanqas dik l-Istrina ma hi marbuta mal-ewwel tas-sena…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN