Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Superstizzjoni

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-bniedem dejjem jittama li l-ġejjien ikunlu tajjeb u jekk jista’ jkun aħjar mil-lum. Bl-istess mod dejjem jibża’ li tista’ tolqtu x-xorti ħażina, inkella li xi ħadd għajjur jisħtu biex ikun aħjar minnu. Dan il-ħsieb berren fil-bniedem miż-żminijiet mgħoddija u r-reazzjoni tal-bniedem dejjem ħadet modi differenti skont iż-żminijiet.

Waħda mill-akbar superstizzjonijiet tirrigwarda meta l-jum tat-13 tax-xahar jinzerta l-Ġimgħa. Forsi minħabba li fl-aħħar ċena, lil Ġuda l-Iskarjota dejjem pinġewh it-tlettax-il wieħed fuq il-mejda, u minħabba li Kristu miet fil-jum tal-Ġimgħa. Meta jinzerta hekk, ħafna jibżgħu mill-isfortuna, saħansitra wħud jibżgħu joħorġu barra u jieħduha frank. Fl-aħħar snin kien hemm min anki approfitta minn Friday the 13th, ħoloq apposta paniku fis-swieq finanzjarji, investa kif qabillu u għamel kemxa flus minn fuq is-superstizzjoni. Li hu żgur huwa li n-negozjanti jgħidulek li f’ġurnata bħal din jintilef il-kummerċ.

Ħafna jibża’ jixtri f’jum bħal dak u jħallu x-xiri u dak li kellhom x’jagħmlu għal ġurnata oħra. Il-qamar ukoll għandu l-parti tiegħu fis-superstizzjoni. Jekk mara ma kinitx tinqabad tqila tgħid li “L-qamar mimli le jsellimli”. Anzi uħud kienu joħorġu għad-dawl ta’ qamar forsi jinqabdu tqal u jgħidu “Jekk fil-qamar tħuf, issaħħan il-ġuf.”

Kulħadd jaf kemm hawn min jibża’ minn xi qattus iswed. Jekk ikunu qed isuqu u jaqsam qattus iswed, malajr ibassru li se tiġrilhom xi ħaġa ħażina. Povru qattus x’tort għandu li twieled iswed!

Jissemma wkoll it-tbaħħir. Jekk kienu jaħsbu li għandhom xi seħta, kienu jitfgħu xi weraq taż-żebbuġ minn ta’ Ħadd il-Palm ma’ xi melħ ġo xi taġen antik, iqabbdu l-weraq bin-nar u jduru mad-dar waqt li jgħidu “San Barnabaw, l-għajn ħażina tmur minn hawn”. U kienu jduru kullimkien, anki taħt is-sodod; jibdew mill-kamra tal-bejt u jibqgħu neżlin sal-bieb ta’ barra, donnhom qed jimbuttaw l-għajn ħażina u
s-seħta ’l barra mill-bieb.

Anki jekk titfaċċa baħrija sewda kienu jitħassbu ħażin. Ma kinux joqtluha għax jibżgħu aktar. Kienu jkeċċuha u jbaħħru kontra x-xorti ħażina u l-possibiltà ta’ mewt.

Il- mewt u s-superstizzjoni sabu lilhom infushom anki fil-lingwa u l-logħob tat-tfal. Taqbila popolari ħafna kienet din:
Ara ġejja l-mewt għalik
Biex taqlik, biex tixwik
Ara ġejja, ara ġejja
Din id-daqqa min tahielek?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN