Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Ta’ Pinu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ħafna nies li jżuru Għawdex, iħallu ftit tal-ħin biex imorru sa Ta’ Pinu. Probabbli hija l-aktar lokalità reliġjuża li jżuruha nies, Maltin, Għawdxin u anki barranin, matul is-sena kollha. Tinsab int u dieħel lejn l-Għarb fuq il-lemin… santwarju l-ġmiel tiegħu f’nofs il-kampanja sabiħa tal-gżira tat-tliet għoljiet.

Sekli ilu, fuq dan il-post kien hemm kappella żgħira, propjeta tal-familja Gentile. Infatti mal-Għawdxin l-nħawi kienu magħrufa bħala Ta’ Gentile. Fis-seklu 16, Pietru Dusina għamel żjara pastorali u tant sab dil-kappella mitluqa u fi stat tal-biki li ordna li tingħalaq, is-servizzi li kienu jsiru fiha jgħaddu għand il-parroċċa tar-Rabat li llum hija katidral, u saħansitra titwaqqa’.

Jingħad li meta beda x-xogħol fuq it-twaqqiegħ, il-ħaddiem li ta l-ewwel daqqa kiser idu. In-nies qiesu din il-ġrajja bħala sinjal minn fuq li l-post m’għandux jitwaqqa’. Infatti mill-ordnijiet ta’ twaqqiegħ ta’ Dusina, dik kienet l-unika kappella li ħelsitha.

Fi tmiem is-seklu ċertu Pinu Gauci sar prokuratur tagħha. Huwa kien ħareġ il-flus għar-restawr tal-binja, artal ġdid kif ukoll il-pittura tat-Tlugħ is-Sema ta’ Marija xogħol Amadeo Perugino. Din il-pittura saret magħrufa bħala l-Madonna ta’ Pinu, u anki l-post ma baqax jissejjaħ aktar Ta’ Gentile.

Fl-1883, Karmni Grima semgħet leħen fl-inħawi jitlobha tgħid tliet Ave Marijiet. Maż-żmien il-kelma xterdet u ħafna nies bdew iżuru l-post, jitolbu lill-Madonna ta’ Pinu u jaqilgħu il-grazzji. Il-fejqan li kien jagħmel Frenċ tal-Għarb kien ikun f’isimha.

La bdiet issir popolari, kien hemm bżonn binja akbar u moderna. Il-knisja l-gġdida, dik li hemm illum, inbniet bejn iż-żewġ gwerer dinjija. Id-disinn tagħha huwa fuq stil neo-romantiku u għandha kampnar wieħed twil, mifrud mill-bqija tal-knsija fuq wara tagħha. Papa Ġwanni Pawlu II kien żar Ta’ Pinu u qaddes fuq iz-zuntier tal-knisja fl-1990. Għaxar snin wara, waqt iż-żjara f’Malta ta’ Papa Benedittu XVI, il-kwadru tal-Madonna tniżżel malta u l-Papa poġġa warda tad-deheb lill-Madonna u sejħilha Sultana tal-Familja.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN