Radju Kafé
Kurżitajiet

Taf fejn hu s-Salib tal-Marsa?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

 

Jekk is-Salib tal-Għolja jidher minn kullimkien, is-Salib tal-Marsa tinduna bih biss jekk tgħaddi minn maġenbu. Jinsab fuq roundabout imdawwar bl-arbuxxelli f’nofs ta’ triq li ġġib ismu.

Fl-imgħoddi s-Salib tal-Marsa kien iktar popolari. It-triq fejn jinsab kienet tintuża minn aktar traffiku mil-lum u l-karrozzi tal-linja kollha li kienu jkunu sejrin lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta kienu jgħaddu minnha. Qabel inbniet Triq Diċembru Tlettax fis-snin sebgħin, Triq is-Salib tal-Marsa kienet it-triq prinċipali ta’ din il-lokalità maġenb il-Port il-Kbir. Kienet tibda minn taħt il-Kappella tal-Mużew, tgħaddi minn ħdejn il-pitkalija tal-Marsa, tgħaddi minn quddiem il-knisja tat-Trinità; frott il-ġenerożità ta’ Lorenzo u Carmela Balbi fil-bidu tas-seklu għoxrin, u tibqa’ nieżla kważi sa ħdejn il-baħar fi Newport… fejn sa ftit ilu kien hemm il-Power Station. Minħabba li l-inħawi jinsabu tant qrib il-port, hemm insibu għadd ta’ mħażen u uffiċini marbutin mal-industrija tal-importazzjoni. U propju hemm is-salib li t-triq ħadet isimha minnu kien il-landmark tal-post.

Jinsab fuq kolonna tal-ġebel. Jidhirli li dak mhux l-oriġinali imma n-nies tal-Marsa dejjem ħadu ħsiebu. F’kantuniera ftit bogħod minnu llum hemm niċċa fil-għoli ta’ San Ġorġ Preca. U din mhix kumbinazzjoni. Dan għaliex is-Salib tal-Marsa huwa marbut sew ma’ dan il-qaddis lokali.

Dun Ġorġ kellu viżjoni propju ħdejn is-Salib tal-Marsa. Jingħad li kien sejjer lejn Raħal Ġdid fejn kien għadu kif fetaħ fergħa tad-duttrina u kif kien għaddej ħdejn dan is-salib, iltaqa’ ma’ tifel ta’ xi tnax-il sena qed jiġbed karru b’qoffa mimlija demel fuqha. It-tifel kien resaq lejn il-qassis u ordnalu jagħtih l-għajnuna u jimbotta l-karru mgħobbi. Il-qassis żagħżugħ, bis-suttana u l-kappell b’kollox, medd idu u qabad jimbotta. Dun Ġorġ ma jiftakarx sa fejn baqa’ jimbotta. Huwa kien jirrakkonta li ħass ħlewwa kbira u ma jiftakar xejn aktar. Huwa jgħid li t-tifel kien jissimbolizza lil Kristu… u d-demel, bħala fertilizzant, issimbolizza t-tagħlim li kien qiegħed jagħti permezz tas-Soċjetà tal-Mużew.

Illum is-salib jinsab sieket f’nofs ir-roundabout… ġebla minquxa li saret parti minn ġrajja ta’ qaddis.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN