Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tafu Fejn Hi l-Madonna tal-Ġebla?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Minix qed nikteb dwar xi statwa tal-ġebel. Għax f’dak il-kas hawn ħafna Madonni magħmulin mill-ġebla. Din hija Madonna li fl-istorja tagħha hemm involuta ġebla partikolari… u l-istorja ġrat f’Malta.

Fil-bidu tas-seklu li għadda, żmien l-Ingliżi f’Malta, il-Gżira kienet għadha mhix mibnija bħal lum. Kien hemm biss xi ftit djar żgħar u ħwienet max-xatt fit-triq bejn l-Imsida u Tas-Sliema. Il-ħwienet kienu popolari man-nies tas-servizz minħabba Manoel Island u l-vapuri ankrati fil-viċin.

Fl-10 ta’ Lulju 1902, tliet baħrin Ingliżi; Charles Thurbull, William Walls u John Packhun, kienu fis-sakra u riedu bilfors jidħlu f’ħanut qrib ix-xatt biex ikomplu jixorbu. Il-ħanut kien magħluq u sidu, ċertu Karmenu Brincat, ma riedx jiftħilhom. Bħala tweġiba, dawn it-tliet barranin qabdu jitfgħu il-ġebel lejn il-ħanut.

Mal-faċċata tal-ħanut, Karmenu kellu xbieha tal-Madonna tal-Karmnu fi kwadru. Waħda mill-ġebel mitfugħa laqtet il-kwadru, il-ħġieġa nkisret imma x-xbieha ma ntmessitx u baqgħet sħiħa. Minkejja li kien ħafna riħ, il-ġebla baqgħet imwaħħla f’nofs il-bċejjeċ tal-ħġieġ u ma waqgħetx.

L-għada l-ftit nies tal-post avżaw lil Dun Vinċenz Manchè, Kappillan tal-parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema, li bagħat lil ħuh Dun Anton Manchè biex jara x’inhi l-biċċa. Saru tliet ijiem ta’ talb fuq il-post u Dun Anton sab post fejn għamel kappella temporanja u poġġa l-kwadru fiha.

Sa għoxrin sena wara l-Gżira saret parroċċa u bla dubju kienet iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Dun Anton kien sar l-ewwel Kappillan. Bejn l-1921 u l-1935 inbniet il-knisja parrokkjali li nafu llum, qrib ħafna ta’ fejn kien sar l-inċident tal-ġebla u l-kwadru.

It-tieni Kappillan kien kunjomu Manchè ukoll… Dun Karlu, li baqa’ msemmi għall-qdusija tiegħu.

Il-kwadru, il-ħġieġa mkissra u l-ġebla għadhom sa llum fil-knisja ta’ Gżira għal kull min jixtieq jarahom. Mhux ta’ b’xejn li l-Madonna tal-Karmnu tal-Gżira hija aktar magħrufa bħala l-Madonna tal-Ġebla.

U mhux ta’ b’xejn li fil-festa parrokkjali f’Lulju, n-nies tal-Gżira jkantaw:

Jekk barrani kasbar ġieħek
Meta ġebla tefa’ għalik
Aħna biss vleġeġ ta’ mħabba
Għandna jtiru għal ġo fik.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN