Joe Julian Filgħodu
Lokali

Taħt it-Tapp

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kulħadd jieħu gost jirbaħ xi ħaġa mhix tas-soltu. U meta tirbaħ xi ħaġa li tkun ġemmajtha inti stess, tkun isbaħ, avolja xorta ngħidu li tkun irbaħtha. Ix-xewqa ta’ kull negozjant hija li l-klienti jixtru iktar. U biex iħajjar lin-nies jixtru iktar joħolqu skemi fejn aktar ma tixtri aktar tista’ tirbaħ xi rigal sabiħ. U qabel dawn kienu popolari aktar mil-lum. Illum forsi drajna bl-iskontijiet, roħs fil-prodott biex il-klient jitħajjar jixtri prodott minflok ieħor.

Fi żmien ieħor, meta l-prezzijiet u l-pagi kienu ħafna inqas, ma kienx jagħmel sens li traħħas sold jew tnejn. Alluta biex offerta tkun aktar attraenti, in-nies kienu jintalbu jġemmgħu xi parti mill-prodott biex jidhru li fil-fatt xtraw, u jingħataw rigal.

Kien żmien meta ħafna nisa tad-dar kienu jġemmgħu l-għotjien tal-bottijiet vojta, jew il-faċċata ta’ xi pakkett tat-trab tal-ħasil jew inkella xi flixkun ta’ xi deterġent. Imbagħad, għand tal-merċa kont tara xi poster sabiħ li jgħidlek kemm ittella’ punti bit-tali jew it-tali prodott, u meta tgħaqqqad numru sew kont tmur għand l-aġent u jagħtik xi sett platti tar-reklam, jew għażla kbira ta’ affarijiet utli għad-dar, ħafna minnhom bir-reklam ukoll, u tkun sarraft l-apprezzament tan-negozjant talli xtrajt il-prodott tiegħu.

Imbagħad kellek il-luminati. Dawn rari kienu jagħmlu skemi biex iġġemma’ t-tappijiet u ssarafhom skont il-kwantità. Dawn kellhom offerta aktar attraenti. Taħt it-tapp, kont tneħħi s-sufra jew il-qiegħ tal-lastku, u b’xortik kont issib ritratt ta’ dak li tista’ tirbaħ: xi gabarrè, xi basket tal-baħar, xugamani, flokkijiet, ash trays u saħansitra fliexken tal-luminata b’xejn. Naturalment ir-rigali kollha kienu jkunu bir-reklam… biex in-negozju jkompli jirreklama lilu nnifsu.

Kien hemm darba skema fejn taħt it-tapp kont issib ittra tal-alfabett. Kont tgħaqqad l-isem tar-rigal u b’xortik.

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-maġġoranza tat-tappijiet ma kien ikollhom xejn taħthom. Imma inti tfittex u tixtri aktar biex tkompli tfittex, forsi tirbaħ.

Kien hawn min anki ma jistax jara tapp fl-art li ma jiġbrux biex jara fihx xi ħaġa…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN