Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tal-Art u tal-Ajru

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

Is-sema Malti fis-sajf ma hu xejn mingħajr il-logħob tan-nar, il-ħsejjes u l-kuluri tiegħu. Huwa l-istaġun meta jkunu ċċelebrati ħafna festi fil-bliet u rħula madwar il-gżejjer tagħna u ebda festa ma tinħass sħiħa mingħajr il-logħob tan-nar.

Il-piroteknika f’pajjiżna hija komuni ma’ kullimkien. It-tħejjija tan-nar għall-festi jinvolvi ħafna xogħol u ħafna sigurtà. Minkejja li ssib għadd ta’ voluntiera jmorru l-kamra tan-nar jagħtu daqqa t’id biex ilaħħqu kollox sal-jiem tal-festa, kull kamra jrid ikollha għallinqas bniedem wieħed illiċenzjat, ittrenjat b’mod professjonali biex kollox isir kif għandu jsir minħabba l-periklu kbir li n-nar iġorr miegħu. U minkejja dan kollu xorta jsiru inċidenti, uħud sfortunati u oħrajn riżultat ta’ xi nuqqas uman, li jaħsdu lin-nazzjon u sfortunatament jaħsdu wkoll il-ħajjiet ta’ nies iddedikati lejn in-nar tal-festi.

Issib ħafna dilettanti Maltin li jduru l-festi. Uħud minnhom lanqas jidħlu r-raħal imma joqgħodu f’xi triq barra l-lokalità biex isegwu l-ħarqa. Isegwu l-murtali tal-bomba li jagħmlu ħoss biss meta jkun għadu d-dawl, imbagħad isegwu l-murtali tal-kulur wara li jidlam. Imma mhux dawn biss. Issib ħafna turisti barranin li jogħxew jaraw il-meravilja li tinħoloq fl-ajru mis-sengħa piroteknika. U mhux fl-ajru biss. Hija normalità li lejlet il-festa, f’xi fetħa fir-raħal jinħaraq ukoll il-logħob tan-nar tal-art, il-ġigġifogu, kelma ġejja minn giochi di fuoco bit-Taljan. Ħafna turisti qatt ma jkunu raw dawn it-tip ta’ spettakli u allura jistgħaġbu… u għandhom biex.

Fl-aħħar snin, il-piroteknika f’pajjiżna ingħatat opportunitajiet ġodda fejn jinħaraq in-nar għat-tgawdija ta’ kulħadd. Beda jkun organizzat il-festival tan-nar fi nħawi differenti u jintemm fil-Port il-Kbir fl-aħħar t’April u beda jsir ukoll festival tan-nar tal-art lejlet il-festa ta’ San Publju fil-Furjana.

Il-logħob tan-nar jaf il-bidu tiegħu fiċ-Ċina aktar minn elf sena ilu. Jingħad li ċ-Ċiniżi jemmnu li l-logħob tan-nar ikeċċi l-ispirti ħżiena u jawgura fortuna u kuntentizza. L-aktar mument li jinħaraq nar fid-dinja kollha huwa f’nofsillejl mal-miġja ta’ sena ġdida meta binjiet u postijiet popolari jingħataw libsa kkulurita biex tingħata l-isbaħ merħba lis-sena l-ġdida.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN