Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Tal-Biċċiet

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fi żmien meta n-nisa tad-dar kienu, fost oħrajn, anki l-ħajjata tal-familja, u fi żmien meta l-familji Maltin kellhom ħafna aktar tfal mil-lum, biex tħit il-ħwejjeġ għal kull membru tal-familja ridt ħafna drapp. Kien hawn min jiddobba xi ħwejjeġ użati tal-familji tas-servizzi Ingliżi, joftquhom u jħitu xi ħaġa mill-ġdid, imma għall-grazzja t’Alla mal-progress taż-żmien dik l-użanza servili u tal-mistħija spiċċat.

Imma xorta biex tixtri d-drapp ridt ħafna flus. Allura ħafna nisa kienu jagħżlu li jixtru mingħand “tal-biċċiet”. Id-drapp tal-pezza bil-jarda kien jinbiegħ l-aktar mill-ħwienet. Id-drapp bil-biċċiet kien jinbiegħ mis-swieq, għalkemm anki tad-drapp bil-pezza kont issib fis-swieq ukoll.

Għalkemm swieq żgħar kienu mxerdin mal-irħula u l-bliet, fis-snin sebgħin l-aktar li kont issib min ibiegħ il-biċċiet tad-drapp kien fis-suq tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid mit-Tnejn sas-Sibt, imbagħad il-Ħadd fuq il-Monti fil-Foss ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta.

Dawn il-biċċiet ma kinux ikunu xi tilqit. Kienu jkunu kampjuni ta’ drappijiet, esperimenti ta’ kuluri u disinji fuq bċejjeċ ta’ drappijiet qabel joħorġu għall-bejgħ fil-pezez. U allura mhux tali ma kinux ikunu tilqit jew ħwejjeġ użati bħalma kienu jagħtu l-Ingliżi, imma kampjuni tal-moda li tkun għadha ħierġa.

Kont tara xi ċorma nisa jqallbu l-bċejjeċ mitfugħin fuq biċċa kanvas kbira fl-art biex isibu l-aħjar skont il-bżonn tagħhom. Kien ikun hemm bċejjeċ kbar, bċejjeċ iżgħar li mhux dejjem ikunu biżżejjed għall-qmis jew qalziet ippjanat, tipi ta’ drapp differenti, disinji u lwien ta’ kull xorta… insomma taħlita sħiħa biex tagħżel, imma xi ħaġa tajba għalik dejjem kont issib.

Bħas-soltu fis-swieq, il-bejjiegħ jgħajjat li “Xelin u nofs-il biċċa”. Imbagħad meta xi mara tagħżel tnejn jew tliet biċċiet, tiġġebbed miegħu biex iraħħsilha ghax ħaditlu aktar minn waħda.

Niftakar wieħed partikolari s-suq ta’ Raħal Ġdid… jgħajjat b’leħen maħnuq, dejjem bis-sigarru, ibiegħ u jitfa’ l-muniti ġo borża tal-ġilda bħal tal-kunditturi mdendla b’ċinga ma’ għonqu. Kellu żaqq daqsiex u ta’ tifel, kont ninnota li biex toħroġlu qmis trid aktar minn biċċa waħda mingħandu stess!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN