Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tal-Ħabbażiż

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fl-imgħoddi, meta ftit kien hawn Għarab f’Malta, kull meta l-Maltin kienu jaraw wieħed ġej, kienu jgħidu; “Ara ġej tal-ħabbażiż!” Jien ħabbażiż qatt ma rajt u dak iż-żmien lanqas kont naf xi jkun, imma jidhirli li kienu jgħidu dik il-frażi aktar biex jirridikolaw lill-Għarbi milli għal xi ħaġa oħra.

In-nies ta’ madwar il-Port jgħidu kif, speċjalment fis-snin qabel il-gwerra meta kien jidħol xi bastiment Għarbi, kienu jinżlu Tuneżini jew Alġerini minn abbord iduru t-toroq ibiegħu il-ħabbażiż. L-antiki jgħidu li kien qisu ċiċri ħelu, imkemmex u jbiegħuh l-Għarab biss.

Fil-fatt dawn il-ħabbażiż huma tip ta’ karawett, imma razza differenti. U għalkemm imsemmijin għalih fl-Afrika ta’ Fuq u hija pjanta tropikali, il-ħabbażiża jingħad li għamlet żmien kienet tikber f’Malta wkoll. U naturalment, la kienet tikber f’pajjiżna fi żminijiet oħra, jekk xi ħadd iħawwilha llum, tikber xorta għax sinjal li tħobb il-klima tagħna.

Ħabbażiż ġejja minn Ħabb Għażiż, li tfisser żerriegħa għażiża. Il-kelma tirreferi kemm għall-pjanta li fuqha jikber, kif ukoll għall-frott innifsu. L-isem botaniku huwa Cyperus Esculentus u bl-Ingliż jgħidulha Tiger Nut jew Earth Almond. Skont Serracino-Inglott, hija xitla b’zokk li jikber mimdud taħt il-ħamrija u jarmi friegħi żgħar li jxenxlu b’weraq tawwali dejjem aħdar, u jagħmel żbul safrani maħmuġ. Fl-għeruq jitrabba bħall ħabb tawwali kannella skur, ħelu u jittiekel. Biex jinbiegħ, il-ħabbażiż kienu jnixxfuh bħalma jnixxfu ċ-ċiċri.

Fi Spanja l-ħabbażiż jgħidulu chufa. F’Valencia jagħmlu xorb magħmul minnu billi jħallu l-ħabbażiż tlett ijiem fl-ilma imbagħad jisħquh u jixorbuh imkessaħ bis-silġ. Fl-Eġittu jagħmlu d-dqiq mill-ħabbażiż, imbagħad jiffurmaw għaġina wara li jħalltu d-dqiq mal-għasel u jaħmuh bix-xaħam. Jidher li anki fl-Italja fis-seklu sbatax kienet tintuża f’Verona bħala waħda mill-ħwawar komuni.

Imma lura lejn pajjiżna… wara li fl-imgħoddi l-Maltin kienu jirridikolaw lill-Għarab bil-ħabbażiż, ma noħodha xejn bi kbira li llum nibdew ngħidu li hu tajjeb għas-saħħa, u nibdew inbiegħuh bi prezz għoli fil-health shops!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN