Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tal-Ħaxix

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ħafna qabel iż-żmien meta l-ħaxix tista’ tixtrih mis-supermarket, għax lanqas supermarkets ma kien hawn… u ħafna qabel iż-żmien li anki tal-merċa jkollu l-ħaxix, biex tixtri l-ħaxix, ridt bilfors tistenna lil tal-karrettun ibiegħ il-bejgħa friska ta’ dakinhar stess. Minkejja li ħafna nies kellhom xi għalqa fejn ikabbru xi ħaġa, il-maġġoranza ma kinux jipproduċu kollox u allura kont tistenna lil tal-karrettun iġib il-ġid li sab jixtri mill-pitkalija, jew minn “fuq t’Għawdex”.

Pitkalija ma kienx hawn waħda f’Ta’ Qali bħal-lum. Kien hawn pitkaliji fil-Marsa, Birkirkara, ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ żgur. Dawn huma postijiet fejn il-bdiewa jbiegħu il-ġid li pproduċew lil-pitkala li mbagħad ibiegħuh lil tal-karrettuni. U lanqas ħaxix bil-katamaran minn Sqaalija ma kien jiġi. Kien jiġi vapur żgħir minn Għawdex li
jieqaf ħdejn ta’ Liesse f’post li kienu jsejħulu “fuq t’Għawdex”.

Tal-karrettun bil-ħaxix frisk ta’ dik l-għodwa stess kien jiġi u jiftaħ ħanġra fil-kantuniera biex in-nisa joħorġu jaraw x’ġid ġabilhom. In-nisa jduru mal-karrettun, ifittxu dak li hu tajjeb għalihom, u kultant tisma’ lil tal-karrettun igerger ma’ xi waħda jekk toqgħod tbagħbas il-ħaxix li ma tkunx se tixtri. U ma’ kull xirja għall-borma, tal-ħaxix kien jitfagħlek fil-qoffa biċċtejn tursina jew karfusa b’xejn.

Kien ikejjel il-ħaxix bil-miżien imdendel fuq idu. Fuq naħa minnhom ipoġġi l-użin… xi ratal jew kwart, u fuq in-naħa l-oħra jitfa’ l-ħaxix sakemm il-miżien jaqleb fuq in-naħa l-oħra u allura jkollu l-ammont mitlub. Kollox kien jintiżen minbarra l-larinġ. Dak kien jinbiegħ bit-tużżana jew nofs tużżana.

Taħt il-karrettun tal-ħaxix, kien ikollu biċċa drapp imdendla li fiha kien jitfa’ l-ħobż niexef li jagħtuh ix-xerrejja biex jitma l-fniek. U mal-ħobż niexef, il-bejjiegħ kien jitfa’ wkoll iz-zkuk u weraq żejda meta jbiegħ xi pastarda jew kaboċċa… għall-fniek ukoll.

Qabel il-bejgħa tal-ħaxix ma kintix eżatt bħal ta’ llum. Xi ħaxix bażiku baqa’ l-istess, imma l-pitravi, artiċoks u qaqoċċ kienu moda aktar mil-lum. Meta kont żgħir ma niftakarx għall-bejgħ faqqiegħ, frawli, mango, kaki, advokado u aktar li ssib illum.

Minbarra fl-istaġun tal-larinġ ta’ Malta, il-larinġ, tuffieħ u banana kienu jiġu minn barra. Illum jiġi kull tip ta’ frott is-sena kollha. Anki bajtar tax-xewk li ssib kemm trid minnu f’pajjiżna… qed jiġi minn barra wkoll.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN