Radju Kafé
Kurżitajiet

Tal-Ħaxu: Ġobon jew Laħam

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Illum m’għadhomx jinbiegħu bit-tużżani. Imma xorta jibqgħu tajbin. Qabel kull min imur jixtri l-pastizzi kulħadd jordna jew tużżana jew nofs tużżana. Illum ma tantx għadna nixtru ikel li jħaxxen u allura, darba kultant, dak li jkun jixtri pastizz jew tnejn.

Nisimgħu l-antiki jirreferu għalihom bħala pastizzi tal-ħaxu. Il-kelma ħaxu tfisser mili… bħal meta timla’ tiġieġa… imma fuq din m’inix se nelabora aktar…

U l-ħaxu jkun jew irkotta jew piżelli. Għawdex tal-irkotta jgħidulhom “tal-ġobon”, għax iħalltu l-irkotta mal-ġbejniet. Fl-imgħoddi tal-piżelli kienu jgħidulhom “tal-laħam”, għax mal-piżelli kienu jħalltu l-laħam. Huwa għalhekk li fil-Ġimgħa l-Kbira jagħmlu l-pastizzi tal-inċova… biex l-inċova tieħu post il-laħam. Imma llum rari ssib pastizzar li għadu jitfa’ l-laħam!

Bħal kollox, anki l-pastizzi evolvew. Illum issib pastizzi tal-tiġieġ u tan-nutella. U għad fadal ħafna fejn timraħ il-kreattività tal-pastizzara Maltin. Imma l-irkotta u l-piżelli jibqgħu l-oriġinali u l-aktar popolari.

L-irkotta u l-piżelli jiddawru b’għaġina sfiljurata, jiġifieri jgħaddu l-għaġina bil-lembuba, jidilku x-xaħam jew butir (illum hawn min jagħmel żejt veġetali minflok), imbagħad jitwu l-għaġina u jerġgħu jirrepetu għal kemm-il darba, biex finalment ikollok l-għaġina magħmula minn ħafna saffi bix-xaħam bejniethom. U b’hekk meta tissajjar fuq it-turtieri toħroġ dik it-tjubija ta’ għaġina titfarrak u tingħoġob fl-istonku. Il-qassata ssir mod ieħor u l-għaġina tagħha ma tkunx sfiljurata u għalhekk b’inqas xaħam jew żejt.

Meta kont l-iskola r-Rabat kien jiġi wieħed jimbotta kaxxa tal-landa fuq erba’ roti jbiegħ il-pastizzi. U sakemm tiġi l-private, fil-kesħa li tagħmel ir-Rabat, il-kaxxa kien ibiegħha kollha. Mhux kulħadd kien jixtri. Min kien ikollu l-flus biss…

F’ċerti rħula għadek tara ħaddiema, l-aktar tal-id, li qabel imorru għax-xogħol jgħaddu għat-te u l-pastizzi f’xi ħanut f’xi pjazza. Forsi fl-imgħoddi l-pastizz kien il-lunch tal-ħaddiema foqra?

Illum il-Maltin ħadu l-pastizzi anki barra minn xtutna. Fost it-tradizzjonijiet li l-emigranti ħadu magħhom, hemm il-pastizz li tkun fejn tkun fid-dinja jibqa’ tajjeb, iħaxxen kemm iħaxxen.

U fil-lingwa l-kelma “pastizz” nużawha b’mod divers ukoll. Minħabba l-forma tal-pastizz ġieli nirreferu għall-parti tal-mara b’dik il-kelma. Nużawha wkoll meta xi ħadd ikollu prodott li jinbiegħ ħafna: “jinbiegħu bħall-pastizzi” jgħidu. Ovvjament din l-idjoma bdiet tintuża meta l-pastizzi kienu jinbiegħu bit-tużżani, mhux issa!

U fuq kollox, jekk jgħidulek “qisek pastizz”, tieħu għalik… u ma nagħtikx tort.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN