Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Tal-Pasti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fl-imgħoddi, f’kull daħla jew ħarġa mill-Belt bilfors fil-bidu nett ta’ Triq ir-Repubblika, dak iż-żmien Strada Rjali, kont tħabbar wiċċek ma’ ħanut b’żewġ armaturi li jħajruk. Il-ħanut ta’ Blackley quddiem il-knisja ta’ San Franġisk iħajrek mhux biss tħares, imma tixxennaq għal xi ħaġa ħelwa u tispiċċa tixtri wkoll.

Wara kollox l-armaturi għalhekk qegħdin. Tiflaħ jew ma tiflaħx tixtri, tista’ jew ma tistax tiekol ħelu, il-ġmiel ta’ ħelu u r-riħa ta’ tjubija iħajruk xorta. U mhux l-ewwel darba aħna u ħerġin mill-Belt kont nispiċċa b’xi borża b’pasta ġo fiha biex nikolha d-dar… “u dik trid tħalliha għal wara l-ikel!”

Wara li għalaq Blackley, xorta fadal min iħajrek fil-Belt. Għadd ta’ dolċeriji fl-inħawi kollha tal-Belt baqgħu iħajruk idduq u tgawdi minn xi biċċa ħlewwa li ma ssibhiex kuljum. U man-nies kollha magħrufin għal xi ħaġa differenti. Ħanut minnhom magħruf aktar mill-oħrajn għall-figolli, ieħor magħruf għas-sinizza, ieħor famuż għall-ħelu tat-tiġijiet, ieħor magħruf għall-pasti xotti, ieħor għal tal-krema…
insomma kollha esperti f’xi qasam u n-nies jagħżlu… mitt bniedem mitt fehma, anki fil-pasti u l-krema.

U jekk tkun dħalt il-Belt u ma ħadt xejn ħelu miegħek lejn id-dar, fil-gabbani ta’ Bieb il-Belt maġenb tal-linja kellek għażla oħra. Għalkemm il-pasti tal-gabbani mhux dejjem kienu bħal ta’ Blackley, xorta stajt tixtri xi ħaġa orħos biex tieħu d-dar. Il-biċċa l-kbira dawn kienu jkunu pasti xotti tal-lewż bil-krema kkulurita fil-wiċċ.

Niftakar anki l-Monti nhar ta’ Ħadd. Minkejja li kien jarma fil-Foss ta’ San Ġakbu u bogħod mill-ħwienet tal-Belt, kienu jarmaw tal-pasti wkoll hemmhekk. Jien kont nagħmel bħal ħafna tfal bħali. Meta missieri kien joffrili x’nixtieq nixtri, minflok xi ċikkulata, kont nagħżel biċċa gateau tal-użin fil-karta strazza u tinżel għasel.

Dak iż-żmien kienet moda li meta familja żżur familja oħra, jieħdu magħhom kaxxa pasti bl-arma tad-dulċier stampata fuq il-kaxxa biex tibda tħajrek anki qabel tinfetaħ. Illum din m’għadhiex moda, forsi għax saru moda d-dieti u l-ħelu noqgħodu naqra lura minnu.
Imma xorta jibqa’ tajjeb!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN