Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Tal-Posta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fi żmien meta ma kienx hawn telekomunikazzjoni diġitali li tibgħat messaġġ u jasal dak il-ħin stess imqar in-naħa l-oħra tad-dinja, u qabel bdiet is-sistema tat-telegrammi, messaġġ seta’ jasal biss permezz ta’ ittra f’envelopp bil-bolla li tinġarr mill-bniedem minn post għall-ieħor.

Kuljum konna nistennew lil tal-Posta ġej biex naraw għandux xi ħaġa għalina. U daqqa tkun ittra mingħand xi qraba tal-Awstralja, daqqa xi postcard mingħand xi ħadd li mar vaganza u ġieli l-postcard tasal wara li jkun diġà ġie lura, xi ittra uffiċjali miktuba bl-Ingliż li biha kont tara xjuħ sejrin għand il-Kappillan biex jaqrahielhom u jfiehmhom xi tfisser, ruxmata kartolini fi żmien il-Milied… u anki xi kont li ħadd ma jieħu gost bih.

Dak iż-żmien rari kien jinbidel pustier. Kien isir qisu wieħed tal-familja. Anzi jekk tasal xi ittra bi żball fl-indirizz, kien jinduna għal min hi sew u l-iżball jirranġah mat-tqassim. Tant kont tidrah li mhux l-ewwel darba kont issib min jistennieh b’tazza xarba friska fis-sajf jew kikkra kafè fix-xitwa. U m’għandniex xi ngħidu, fi żmien il-Milied meta x-xogħol jiżdied ħafna bil-kartolini, xi grokk ma kienx jonqos.

Imma minbarra li nirċievu l-ittri, konna nibagħtu wkoll. Kulħadd kien ikun jaf kemm hi bolla għal Malta jew għal barra…u anki għal postijiet fejn hemm emigranti Maltin, jiġifieri bħall-Awstralja, l-Amerika u iktar il-ħlas ta’ bolla kien inqas minħabba l-emigranti Maltin. U rrid ngħid li għall-Awstralja ittra kienet tieħu madwar 5 ġimgħat biex tasal, speċjalment meta l-Kanal ta’ Swejz kien magħluq, vapur kien ikollu jdur mal-Afrika kollha. Inkella stajt tibgħatha bl-ajru imma l-bolla kienet għolja wisq. Ittra imbagħad
konna mmorru nitfgħuha fil-letter box, kaxxa ħamra bil-kuruna tar-Re jew Reġina skont taħt min saret.

Konna nimpustaw ittra għal Malta qabel is-7 ta’ filgħodu u tasal fid-destinazzjoni dakinhar stess. Illum il-letter boxes saru patrimonju Malti u jalla kulħadd jibżà għalihom.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN