Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Taxi Mary

WAQT IL-KAFÈ … ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kien żmien meta d-diski tal-vinyl kienu bdew isiru popolari. Fil-barijiet madwar Malta u Għawdex kienu tfaċċaw il-juke-boxes u ħafna kienu jmorru, jitfgħu xi munita u jdoqqu d-diska favorita tagħhom waqt li jixorbu xi flixkun birra jew jilgħabu l-billiard.

Kien hawn min kellu fejn idoqq id-diski d-dar, imma kien hawn ukoll i-mangiadischi, isimha magħha – tiekol id-diski. Din kienet qisha bagalja żgħira b’xaqq fiha, tagħtiha d-diska, tiblagħha u ddoqqhielek. Kif tispiċċa d-diska tobżoqha ‘l barra. U kont tara ħafna maġenb il-baħar idoqqu d-diski biex juru lil kulħadd li għandhom mangiadischi!

Allura ditti tad-diski Maltin bdew joħorġu l-prodott Malti. Dawn id-ditti kienu l-aktar ħwienet li jbiegħu id-diski l-Belt. Minbarra diski kontemporanji ta’ kantanti u gruppi, bdew jirrekordjaw ukoll għannejja kif ukoll makkjettisti. U l-prodott kien popolari.

Il-Maltin kienu jixtru dawn id-diski u b’hekk bdew jinħarġu aktar diski. Fost l-aktar diski li baqgħet tissemma hija Taxi Mary li kienu jkantawha l-makkjettisti Fredu Abela l-Bamboċċu u Ġorġ Azzopardi l-Makk, it-tnejn minn Ħaż-Żabbar.

Kienet makkjetta ta’ botta u risposta fejn taparsi ż-żewġ makkjettisti jirkbu din it-taxi, iduru Malta kollha u jitkellmu dwar tfajliet minn kull belt jew raħal. Fiha melodija sempliċi u rimi ħfief biex dak li jkun faċli jkanta magħhom.

Tridx naqbdu it-Taxi Mary,
Bamboċċ nagħmlu bħall-Ingliżi.
Iva, Makk, se nisma’ minnek,
u nduru dawra l-pajjiżi.

Fredu l-Bamboċċu kien qalli li Taxi Mary kienet l-ewwel diska tiegħu. Meta kien fin-navy, stazzjonat f’Sant Anġlu, kien jiġbor lil sħabu u joqgħod iqabblilhom. Kien hemm Ġorġ il-Makk li kien joqgħod isemmilu l-postijiet madwar Malta u Fredu jqabbillu magħhom, dejjem bit-tama li jsib xi tfajla aħjar.

Fredu ġietu l-idea li din jiktbuha biex joħorġuha diska. Irrekordjawha għand Damato tal-Belt u biegħet madwar 10,000 kopja f’Malta minbarra 20,000 fl-Awstralja. Jingħad li anki f’xi partijiet minn Sqallija kienet tinbiegħ.

Il-makkjetta Taxi Mary biddlet ghal kollox il-mod kif in-nies kienu jħarsu lejn l-għannejja u l-makkjettisti.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN