Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Temi Zammit

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fl-imgħoddi f’Malta kellna marda li kienet trasmessa mill-ħalib frisk dirett mill-mogħża. U l-bniedem li solva dak kollu kien Sir Temi Zammit.

Temistokle Zammit twieled f’familja umli ħafna fil-Belt Valletta fit-30 ta’ Settembru 1864. Studja fil-Liċeo u l-Università ta’ Malta sakemm kiseb id-Dottorat fil-Mediċina fl-1889. Fl-1905 inħatar Professur tal-Kimika mill-istess Università u baqa’ tiela’ sakemm fl-1920 inħatar Rettur fl-istess istituzzjoni. Huwa okkupa din il-pożizzjoni sal-1926 meta ddeċieda li jiddedika l-ħin tiegħu u l-fakultajiet intellettwali tiegħu għall-organizzazzjoni tal-Mużew Nazzjonali, partikolarment fil-qasam arkeoloġiku.

Huwa dejjem kien interessat fir-rikkezza tal-imgħoddi ta’ Malta. Kien ippubblika l-istorja tal-gżejjer Maltin u tista’ tgħid li ddomina x-xena arkeoloġika lokali mill-bidu tas-seklu 20 sa mewtu. Bejn l-1915 u l-1919 temm l-iskavar tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u maż-żmien skava numru ta’ siti arkeoloġiċi u oqbra, inklużi t-tempji megalitiċi ta’ Ħal Tarxien, Ħaġar Qim u l-Imnajdra. Ismu kiseb fama wkoll permezz tal-kitbiet akkademiċi tiegħu dwar l-iskavu u l-materjal misjub f’siti bħal dawn. Illum dawn il-postijiet ġew iddikkjarati Siti tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.

L-interessi akkademiċi tiegħu kienu diversi kif jixhdu l-bosta pubblikazzjonijiet tiegħu. Bħala xjentist kien involut f’xogħol ta’ riċerka dwar it-trasmissjoni tad-Deni Mediterranju , li f’Malta kien magħruf bħala d-deni rqiq. Din il-marda għamlitu magħruf anki barra minn pajjiżna, fiċ-ċirku mediku internazzjonali, permezz tal-konnessjoni tiegħu ma’ Sir Ronald Ross. Temi kompla l-ħidma ta’ Sir David Bruce fis-snin bikrin tas-seklu 20 meta skopra l-mikro-organiżmu fil-ħalib tal-mogħża.

Iżda minbarra l-arkeoloġija u l-mediċina, l-firxa ta’ pubblikazzjonijiet ta’ Zammit testendi wkoll għall-istorja, l-letteratura, l-kultura u l-edukazzjoni ta’ Malta. Il-kisbiet u l-merti tiegħu rċevew rikonoxximent f’diversi kwartieri internazzjonali.

Fl-1920. Fl-1911 il-Gran Brittanja onoratu bid-dekorazzjoni ta’ Kumpann tal-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ u ngħata t-titlu ta’ Sir fl-1930. Fl-1920 ingħata l-Mary Kingsley Medal mill-Iskola tal-Mediċina Tropikali ta’ Liverpool  u fl-istess sena l-Università ta’ Oxford tagħtu grad onorarju ta’ Duttur tal-Letteratura. Fl-1932 inħatar “Officier d’Académie” tar-Repubblika Franċiża.

Sir Temi Zammit miet fit-2 ta’ Novembru 1935.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN