Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Temp Kiesaħ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

F’pajjiżna borra ma tagħmilx. L-arja tagħna umda wisq u l-borra tinżel fejn ikun hemm temp niexef. Imma peress li mdawrin bil-baħar dan ma jistax iseħħ. U minflok fix-xitwa jkollna kesħa umda, li aktar tidħollok fl-għadam milli f’pajjiżi oħra fejn ikollhom kullimkien abjad bil-borra. U meta tagħmel xi maltempata, minħabba li aħna mdawrin bil-baħar biss, ma għandna xejn iżomm ir-riħ u l-kesħa.

Minħabba s-sajf qalil tagħna, d-djar tagħna nibnuhom bil-ġebla Maltija li żżom il-frisk. Allura fix-xitwa din taħdem kontrina. Kultant ikollna kesħa fid-djar aktar minn barra. Illum għandna ħafna mezzi biex insaħħnu djarna; heaters u air-conditioners li kollha jaħdmu bid-dawl elettriku. Imma l-imgħoddi kien mod ieħor.

Kien hawn aktar faqar, inqas meżżi bl-elettriku imma l-kesħa kienet tagħmel xorta. U allura riedu jsibu metodi kif bin-nuqqasijiet b’kollox isaħħnu d-djar. Min jaf kemm kien hawn nies li kienu jsaħħnu bil- fuklar jew bil-kenur iħalluh jixgħel biex bin-nar tisħon l-arja. Fuqu kienu jħallu xi kitla jew stanjata bl-ilma biex dejjem isibu l-misħun lest għal xi xarba te jew kafè sħuna. U l-fwar tal-misħun kien ikompli jsaħħan ukoll. Maż-żmien ġew il-heaters tal-pitrolju jew spiritieri tal-ftejjel li minbarra li jsaħħnu kienu jintużaw b’xi kitla wkoll bl-istess skop ukoll. Niftakru li lanqas water heaters ma kien hawn u allura l-misħun kienu jużawh biex iħalltuh mal-ilma biex jinħaslu.

Kien hemm min anki jipprova jsaħħan is-sodda għal mal-lejl. Ħafna kutri kienu jġibuhom mingħand l-Ingliżi u kienu jkunu ħoxnin u jniggżu. Kienu jġibuhom jew minn xi rkant jew xi ħadd jaħdem magħhom jiddobba xi tnejn. Barra minn hekk kienu jużaw ukoll il-hot water bottles mimlijin bil-misħun. Dawn ma tistax tagħmilhom direttament mal-ġilda għax jaħirqu. Illum qed jiġu lesti miksijin bid-drapp.
Il-bini tal-Ingliżi, għalkemm f’Malta, kien armat bħal dak fl-Ingilterra, bil-fire place u ċ-ċumnija. Naturalment l-Ingliżi kellhom meżżi u finanzi aktar mill-familji Maltin.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN