Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tħobb Tiekol l-Għadam?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Normalment meta nixtru xi għadma għall-ikel, nitfgħuha fil-brodu biex tagħmel it-togħma. Ma nikuhiex. Anzi ssib min għandu xi kelb jagħtiha lilu biex joqgħod imexmex il-ftit laħam li jkollha magħha. Imma hemm għadam li nikluhom, li posthom mhumiex fil-brodu, probabbli l-kelb ma jħobbhomx u li minflok fihom togħma ta’ laħam, huma ħelwin. Propjament fihom l-ingredjenti bħall-figolli, imma ma ssibhomx fl-Għid.

Minħabba li x-xahar ta’ Novembru huwa ddedikat lill-mejtin, bħal kull festa oħra, ta’ ferħ jew ta’ niket, għandna l-ikel tagħha. Ma tidhirx li hi xi tradizzjoni Maltija u fl-Italja komuni ħafna, speċjalment fi Sqallija qribna. Anki fi Spanja jagħmlu minnhom u jsejħulhom Heusos de Santo li tfisser għadam tal-qaddisin.

Hemm metodi differenti kif isiru imma f’Malta nagħmluhom bl-għaġina ħelwa fuq u isfel bl-intrita bejniethom bħall-figolli, imma l-forma tkun ta’ għadam. Imbagħad jinksew bil-ġelu abjad u xi lewż jew karawett imfarrak fuq kollox.

Kif joqrob Novembru tibda tara minn dawn l-għadam ħelwin fil-ħwienet tagħna jħajruk tixtri u tiekol. Fl-imgħoddi kienu jinħarġu fit-tieni jum ta’ Novembru, jum l-erwieħ kollha. Ħafna jitfixklu din id-data mal-ewwel ġurnata ta’ Novembru. Dakinhar huwa Jum il-Qaddisin kollha.

Imma llum nieklu minn dawn il-għadam tul ix-xahar kollu, anzi tibda ssib minnhom għall-bejgħ anki minn nofs Ottubru.

Din tal-għadam hija waħda mit-tradizzjonijiet marbuta ma’ Novembru. Ħafna nies għadhom iżuru ċ-ċimiterju u l-oqbra tal-għeżież tagħhom b’xi fjuri u xemgħat. Kien hemm żmien meta l-ewwel jum tax-xahar kien vaganza pubblika u fit-tieni jum fil-knejjes isiru quddies kull nofs siegħa. Meta kont abbati ġieli messni xi erba’ quddisiet wara xulxin.

Insomma, inkomplu fuq l-għadam. Fl-imgħoddi qrib Sant Iermu fi-Belt Valletta kien hemm iċ-Chapel of Bones. Kienet kappella żgħira li minnha llum fadal biss il-pedament wara l-straġi tal-gwerra. Kif jixhdu r-ritratti li fadal kienet imżejna b’ħafna għadam uman. U imnalla kien għadam uman, għax kieku kienet imżejna bl-għadam tal-ħelu, bil-gwerra u bla gwerra kienet tispiċċa xorta… għax nikluhom!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN