Radju Kafé
Kurżitajiet

Tħobbhom l-Imqaret?

WAQT IL-KAFÈ … ma’ Joe Julian Farrugia

U min ma jħobbhomx? Mhux bilfors tħobbhom? Sħan sħan b’dik it-togħma ġenwina tat-tamal fuq ġewwa jpaxxu lill-istonku. Anki jien u nikteb qed niġi aptit tnejn.

It-tamal ġejjin mid-dinja Għarbija żgur. Ma writnihomx mill-Ewropa għax it-tamal fid-deżert xemxi u sħun jikbru u mhux fl-artijiet muntanjużi u kesħin ’il fuq minna. It-tamal imħalltin mal-qxur taċ-ċitru u l-ħwawar eżotiċi kollha juru li dawn ħadnihom mill-Għarab jew mill-Feniċi li kienu jaħkmu lil Malta għal sekli sħaħ ’il fuq minn elf sena ilu. U għandna riċetti oħrajn li writnihom mingħand il-ġirien tagħna fuq in-naħa ta’ isfel. Il-bigilla, l-ħelwa tat-Tork u l-qagħaq tal-għasel huma eżempji oħrajn b’għeruq Għarab. U jingħad li ħelu bħall-imqaret għadek tista’ ssibu anki f’pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq bħall-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija.

L-isem tagħhom ukoll għandu għeruq qawwijin Għarab. Is-singular ta’ mqaret jiġi maqrut. U jingħad li maqrut ġejja mill-kelma bil-Għarbi li tfisser djamant, li huwa wkoll il-forma tal-maqrut li nieklu, għalkemm maż-żmien jidher li l-maqrut aktar beda jsir f’forma rettangulari qabel jinqela.

L-għaġina għall-imqaret trid, naturalment, tkun ħelwa, tinfetaħ sew għat-tul, timtela’ bit-taħlita ta’ tamal mgħaffeġ mal-qxur tal-larinġ, lumi jew mandolin u mal-ħwawar fosthom ħlewwa, kannella u msiemer tal-qronfol. L-għaġina tingħalaq, jinqatgħu l-imqaret wieħed wieħed u jinqlew f’żejt jagħli. Kif isiru jintrefgħu miż-żejt, ftit icing sugar fuqhom u gawdi t-tjubija. Anzi jekk tħallihom jibirdu ftit aktar tgawdi t-togħma. U jien inħobbhom b’naqra ġelat tal-vanilja fuqhom… u x’jimpurtani mill-miżien ta’ kull filgħodu!

Smajt li minflok moqlija fiż-żejt, hawn min jaħmihom fil-forn, imma ma nafx jiġux bl-istess togħma. Għax kif nafu l-aktar ingredjenti ħżiena għas-saħħa huma l-aktar ingredjenti tajbin fit-togħma. M’hemmx x’tagħmel!

Niftakar l-imqaret f’żewġ postijiet; max-xatt bejn San Ġiljan u Tas-Sliema u fid-daħla tal-Belt. U dawn tal-Belt tant kienu popolari li madwar Malta tara ħafna drabi min ibiegħ l-imqaret jiftaħar li huma “tal-Belt.” Insomma humiex tal-Belt jew le, ngħid għalija qatt ma doqt imqaret u m’għoġbunix.

Tajbin wisq!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN