Radju Kafé
Kurżitajiet

Tħobbuha t-Tombla?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Mhix logħba Maltija żgur. U m’inix ċert jekk ġietx hawn Malta fi żmien l-Ingliżi. Imma kulħadd jaf li l-Ingliżi jħobbu l-Bingo wisq. U probabbli l-Maltin imitawhom f’din il-logħba wkoll.

Meta kont żgħir id-dar kellna borża b’dawn id-disgħin pedina, biċċa njama maqtugħa tonda b’numru differenti miżbugħ bl-aħmar fuq kull wieħed. Ġieli konna nilgħabuha jien u ħuti; min itella’ u min jilgħab, nimmarkaw in-numru li jitilgħu fuq il-ġogi, karti apposta kollha differenti b’uħud min-numri fuqhom. U ġieli jkun hemm min jaqta’ l-vers u fl-aħħar jirbaħ min jimla’ l-house, jiġifieri jkunu telgħulu n-numri kollha li kellu fuq il-ġog.

Aħna ġieli lgħabniha fid-dar biċ-ċajt, imma kien hemm min jilgħabha barra t-triq għall-flus. Fit-triq ta’ warajna, kull nhar ta’ Ħadd għall-ħin ta’ wara l-ikel, kienu jinġabru l-ġirien ta’ dik it-triq u jdumu jilgħabu sa x’ħin jidlam. Anki meta fis-sajf konna ninżlu l-baħar, għad-dell ta’ binja partikolari li llum sfortunatament twaqgħet f’Birżebbuġa, kont dejjem tara numru kbir ta’ nies, l-aktar nisa, jilgħabu t-tombla għal sigħat twal waqt li t-tfal ikunu jgħumu jew jilgħabu fuq ir-ramel.

Kont tisma’ min itella’ t-tombla jsejjaħ ċerti numri bil-laqam minflok bin-numru kif nafuh. In-numru 5 kien iċ-ċinku, it-13 kien ta’ Ġuda, is-17 kienu jsejħulu tad-diżgrazzji, it-22 kien is-sorijiet, id-69 kienu l-maqlubin, id-90 kienet ix-xiħa u tant oħrajn li mhux kollha nista’ nsemmihom hawn.

Dawk li jilgħabu dejjem jinsistu li min itella’ jċekċek il-pedini sew “biex mhux dejjem jitilgħu l-istess numri”. Niftakar ukoll frażijiet bħal “dħalt” jiġifieri min jgħajjatha jkun jonqosha numru wieħed biex tirbaħ, inkella “gidimni”, meta xi ħadd ma jirbaħx għal ftit.

Niftakar kien hemm żmien fis-snin 70 meta t-tombla b’xi mod kienet stabbilita fil-liġi. Kienet saret illegali li tilgħab it-tombla mingħajr permess, u allura din kienet opportunità għall-każini tal-banda, tal-futbol jew l-għaqdiet reliġjuzi li bdew iġibu l-permessi meħtieġa, jorganizzawha b’mod regolari u t-tombla saret mezz biex jagħmlu profitt għall-għaqda tagħhom.

U llum issib nies li jafu post post kuljum fejn issir it-tombla, biex iduruhom u ma jitilfux waħda… qishom tas-seba’ visti.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN