Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tiftakarha l-Lotterija bin-Nom-de-Plume?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kulħadd jixtieq isir sinjur mil-lum għal għada. Imma bix-xogħol, skont il-qawl, ħotba biss tagħmel. Allura l-bniedem ifittex xi sistema maġika kif jista’ jakkwista kemxa flus f’tebqa ta’ għajn. Minbarra l-lottu, xi snin ilu kien hawn il-Lotterija Nazzjonali li fiha stajt tirbaħ somma tajba. Kien hawn min rebaħha u waqaf mix-xogħol. Darba qaluli kien hemm anki min rebaħha darbtejn! Ara veru trid tkun iffurtunat!

L-ewwel premju niftakru ta’ LM35,000. Maż-żmien kien sar LM50,000 u aktar tard anki iktar sakemm din il-lotterija ħadet postha logħba oħra diġitali.

Imma l-Lotterija Nazzjonali ma kinitx diġitali. Kont tixtri biljett u kopja tiegħu, tal-karti, tkun f’urna kbira. It-tlugħ kien isir fil-pubbliku. Fil-bidu kien isir fi Pjazza Reġina u aktar tard beda jsir il-Ħadd filgħodu fil-Foss ta’ San Ġakbu waqt li jkun armat hemmhekk il-Monti tal-Ħadd li dak iż-żmien kien jiġbed eluf ta’ nies. U biex itella’ l-biljetti kien jingħażel xi tifel minn xi istitut.

Biex ħadd ma jkun jaf min rebaħ, kull min jixtri biljett ried jagħżel nom-de-plume… minflok jitħabbar min rebaħ jitħabbar l-isem fittizju. Kien ikun hemm ħafna li l-biljett isemmuh Redentur, jew Santa Rita, jew Madonna ta’ Pinu. Fil-fatt tant kien ikun hawn biljetti msemmijin għal xi personaġġ reliġjuż li tista’ tgħid li l-qaddisin kollha kienu jieħdu sehem. Kien hemm min isemmih għal xi laqam jew anki għal xi personaġġ televiżiv bħal Kaspitina jew Ġoma. Kien hemm min isemmih Fil-Bżonn, jew xi ħaġa simili. Insomma, kreattività ta’ ismijiet sħiħa.

U dakinhar tat-tlugħ, min ma kienx ikun fil-Foss, kien isegwi b’attenzjoni fuq ir-Radju ta’ Malta biex jara l-biljett li xtara u n-nom-de-plume li għażel humiex se jagħmluh sinjur.

Id-Direttur tal-Lottu Pubbliku, li kien iħabbar il-biljett rebbieħ, kellu mod kif iħabbru. Leħen pontifikali li tisimgħu tistħajlu l-Papa qed jagħti l-barka minn San Pietru inkella l-President qed jagħti x-xewqat tal-ewwel tas-sena… kelma kelma biex żgur ħadd ma jitfixkel…
“Ir-rebbieħ… tal-ewwel premju… ta’ ħamsin elf lira huwa…” imbagħad isemmi n-numru tal-biljett u n-nom-de-plume.

Imbagħad ħalli għan-nies jgħidu li n-numru jew in-nom-de-plume għal ftit ma kienx tagħhom… u jkollhom jistennew tlugħ ieħor sitt xhur wara forsi tmisshom xorti aħjar.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN