Radju Kafé
Kurżitajiet

Tiftakruh il-Ġilat tal-Ħmar?

 

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fil-ġranet sħan tas-sajf m’hawnx itjeb minn naqra ġilat. U fi żmien meta l-friża fid-dar kienet biss parti żgħira ħafna mill-friġġ, ħadd ma kellu fejn joqgħod jaħżen il-ġilat biex isibu x’ħin irid kif aħna komdi nagħmlu llum. Allura kienet tkun aħbar mill-isbaħ kif tisma’ l-ħoss iżarżar tal-vann tal-ġilati jdoqq mat-toroq fis-sħana tas-sajf Malti. Kienet tkun xi melodija antika, imma dak il-ħin, mid-dar jew ħdejn il-baħar
mhux il-melodija tagħti kas, imma li hemm ċans idduq ġilat.

Imma kien hemm ħoss ieħor li jfakkrek li ġej tal-ġilat. Dawk li kienu jduru jbiegħu fuq il-ħmar ma kienx ikollhom id-daqq bħal tal-vann, imma kellhom leħinhom. Kien hawn f’diversi rħula u dan tar-ritratt ma nafx ta’ fejn hu. Imma niftakar li Raħal Ġdid kien jiġi wieħed raġel xiħ jgħajjat “Ġilati, Luminati!” Ġilat xtrajt mingħandu kemm-il darba u luminati qatt ma rajtlu, imma hekk kien jgħajjat. Forsi b’“luminati”
kien jirreferi għall-granita?

Kien jiġi fil-kantuniera tat-triq tagħna u joħroġ kulħadd jixtri. Sakemm kont inkun nistenna kont niggosta lill-ħmar wieqaf u b’denbu jkeċċi lid-dubbien fitt. Il-ħmar kien iġorr kaxxa kbira li minnha ħerġin ir-roti tal-karrettun. Il-kaxxa kienet tkun miksija bil-formika tleqq u fil-wiċċ tagħha kien hemm żewġ għotjien tal-injam jagħlqu dak li kienu jsejħulu bezzun. Mhux bezzun tal-ħobż, imma bezzun, qisu thermos kbir,
fejn kien jinħażen il-ġilat u ma jdubx.

Maġenb l-għotjien, fuq il-kaxxa kien ikun hemm kaxxa iżgħar tal-ħġieġ li fiha kien iżomm il-cones jew il-wafers tas-slice flimkien ma’ flixkun bil-ġamm imdewweb u vażett bil-karawett imfarrak biex jitfagħlek fuq il-ġilat. Għall-cones kien ikollu ġilat b’żewġ kuluri mħalltin; isfar u roża… u bħala kuluri kienu jkunu xi naqra skuri wkoll. Dak kien iżommu f’bezzun minnhom. Fil-bezzun l-ieħor kien daqqa jkollu l-ġilat tas-slice f’forma ta’ trianglu, vanilja u ċikkulata mħallta mgeżwer f’karta strazza, inkella l-granita li kien iserviha bħall-ġilat l-isfar u roza, imma f’tazza tal-kartun.

Il-bezzun kien iżomm it-temperatura stabbli u fix-xitwa ġieli kien jiġi jbiegħ il-bigilla, li fil-bezzun kienet iżżomm sħuna. Imma l-ġilat xorta kien il-favorit tiegħi.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN