Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tlaqna sal-Bandli

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

Illum kważi f’kull belt u raħal insibu post magħruf bħala l-bandli. Forsi ma tantx għadhom popolari għax it-tfal u żgħażagħ ta’ llum aktar jintilfu f’il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali milli jitilqu  ‘l barra. Imma lplaying fields, kif kienu jsejħulhom, kienu u għadhom post fejn dawk żgħar fl-età jiddevertu u fl-istess ħin jagħmlu speċi ta’ eżerċizzju fiżiku.

Dawk li nsejħulhom “bandli” ma kienx ikun fihom bandli biss. Kien ikun hemm żurżieqa… u aktar ma tkun għolja aktar nieħdu gost. Kien ikun hemm il-merry-go-round li trid toqgħod attent ma tistordikx għax tispiċċa tweġġa’. Kien ikun hemm ma’ fejn tiddendel ma’ ħadid imdendel bi ktajjen ħoxnin u din l-aktar li kienu jilgħabuha s-subien jippikaw min jirnexxilu jiddendel u jgħaddi mill-ħadida ta’ tarf minnhom sat-tarf l-ieħor bla ma jmiss saqajh mal-art. Kien hemm ukoll speċi ta’ scaffolding fejn tiddendel u tgħaddi minn bejn ħafna kanen. Ċerti bandli kellhom ukoll katusi kbar fl-art minn fejn tgħaddi minn naħa għall-oħra. Fuq kollox kien hemm il-bandli. Minn dawn kien hemm taż-żgħar ħafna, b’għeluq sikur bħal gaġġa, kien hemm tal-kbar fejn it-tfal ta’ età kbira kienu jippikaw min jogħla l-aktar u kien ikun hemm ukoll il-bandla t-twila li fuqha jitilgħu xi erbgħa jew ħamest itfal f’daqqa.

Il-bandli ma kienx biss post biex titbandal. Ħafna żgħażagħ kienu jiltaqgħu “il-bandli” biex jgħidu kelma, jew juru lil sħabhom x’karozza xtraw. Però dawn ma setgħux jitbandlu. Niftakar f’ħafna bandli kien ikun hemm avviż mill-Malta Playing Fields Association li jistgħu jitbandlu biss dawk ta’ inqas minn 14-il sena.

Il-bandla ma bdietx meta bdew jinfetħu l-Playing Fields. Fl-imgħoddi, fil-jum ta’ Lapsi, meta nfakkru t-tlugħ is-sema ta’ Ġesù, kienet tradizzjoni li n-nies jarmaw bandla biex joqgħodu jitbandlu. Il-bdiewa kienu jdendluha ma’ xi zokk oħxon tal-ħarrub, fid-djar kienu jarmawha mat-traversa ta’ xi bieb u kien hemm min jarma l-bandla anki minn naħa għall-oħra f’xi sqaq dejjaq; biċċa tavla mdendla ma’ żewġ ħbula ħoxnin. U kienu joqgħodu jitbandlu sakemm jidlam…

U la l-bandla ma kinitx tal-Playing Fields Association, setgħu jitbandlu anki dawk li l-14-il sena kienu ilhom li għalquhom!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN