Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Tnaqqir

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Illum saret moda li meta tmur xi mkien tixrob, iġibulek xi tnaqqar. Ma’ grokk jew xi birra jinżlulek għasel xi biċċtejn ħobż biż-żejt imħawrin, inkella naqra ġbejniet tal-bżar imqattgħin żgħar jew xi naqra bigilla sħuna bejn boqqa u oħra aħna u ngħidu kelma. Tal-bar jagħtik dan it-tnaqqir b’xejn… talli qed tixtri x-xorb. Anzi kultant dat-tnaqqir ikollu xi naqra bżar aktar mis-soltu, biex jaqbdek aktar għatx u tixtri iktar
xorb… ċirku tas-sengħa tagħhom… ħaġa titlob lill-oħra… ix-xorb iġib l-ikel u l-ikel iħajrek għal aktar xorb.

U bar magħruf aktar minn ieħor għax jagħti iktar ikel… u min jagħti ikel Ċiniż, u min iwieżnek fl-għaġin imħawwar, u ġobnijiet ta’ kull xorta… u lista ta’ appetisers ma tispiċċa qatt. Qabel il-kelma appetisers ma kinitx marbuta mal-bars daqs illum. L-appetisers aktar konna nagħmluhom id-dar meta jkollna xi festin. Konna nixtru l-gallettini melħin, fuq kull waħda npoġġu xi biċċa ġobon u perżut, inżejnuha b’xi basla żgħira kkulurita jew żebbuġa u ngħaqqdu kollox b’toothpick.

Pero anki jekk ma kienx ikollna festin, ma jfissirx li ma konniex innaqqru. Per eżempju kull meta ddar kien ikollna l-għaġin għall-forn, dejjem kont irrid innaqqar minnu qabel jidħol il-forn. U għalxejn ommi kienet tgħidli li dak fih il-bajd nej, għax ma kontx noqgħod qabel intiegħmu.

U xi ngħidu meta kienet tagħmel xi kejk? Ma kinitx xi ħaġa ta’ kuljum għax il-livell tal-ħajja kienet differenti ħafna. Kienet tħawwad il-kejk b’idha, b’magħrfa tal-injam ġo borma fonda… id-dqiq u l-marġerina maz-zokkor u ingredjenti oħra. Imma wara li titfa’ t-taħlita fid-dixx biex nieħduh għand tal-forn, jien u oħti konna nduru għall-borma qabel tinħasel… propjament konna nnaddfuha qabel tinħasel għax li jkun fadal mit-taħlita nnaqqruh aħna. Mhux tnaqqir ukoll?

U xi ngħidu għat-tnaqqir mill-friġġ, jew mill-bqija tal-kċina? Jgħidu li t-tnaqqir bejn l-ikliet l-aktar li jħaxxen, imma kultant xi gallettina, kisra ħobż, biċċa ċikkulata jew gidma minn dak li pprovda l-Bambin mhux biss iħajrek imma jwaqqgħek għalih. Imbagħad trid taħseb skuża meta jistaqsuk kontx int.

Insomma, dejjem nismagħhom jgħidu li aħjar tnaqqar ftit minn dan kollu, milli tnaqqar imnieħrek!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN