Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Torta tal-Lampuki

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ma hemm ebda dubju li l-aktar ħuta favorita mal-Maltin hija l-lampuka. Forsi għaliex hija l-aktar ħuta li
tinqabad bl-abbundanza u allura jkun hemm waqtiet meta l-prezz tagħha jinżel sew u allura tkun tista’
tinxtara faċilment. Tant tinqabad f’numri kbar u tant il-Maltin iħobbuha li fl-istaġun tagħha kważi ma jsir sajd għal xejn aktar ħlief il-lampuka u ż-żewġ ħutiet li jiġu magħha; il-fanfru u t-tunnaġġ.

Hawn min il-lampuka jqattagħha u jaqliha fid-dqiq wara li jkun għamel aljotta mir-ras u d-denb. Hawn ukoll min inaddafha mix-xewk kollu u jixwiha. Magħha jisservew bċejjeċ tal-lumi u xi naqra zalza tal-kappar imħawra kif nafu nħawruha aħna l-Maltin.

Imma riċetta oħra ta’ kif tissajjar il-lampuka hija propju t-torta tal-lampuki. F’għaġina li ma tkunx ħelwa tista’ tpoġġi kull tip ta’ ikel. Forsi l-aktar torta magħrufa f’Malta matul is-sens kollha hija dik tal-irkotta, forma differenti imma l-istess togħma tal-qassata. Bħalha nagħmlu torti b’kull tip ta’ ikel bħal tonn taż- żejt u spinaċi, torta bil-laħam jew ħaruf, Insomma minn kollox. Imma fi żmien il-lampuki, it-torta tal-
lampuki jagħmluha ħafna nies.

Naturalment il-lampuka trid titnaddaf sew mix-xewk. L-inqas ħaġa pjaċevoli hija li tkun qed tgawdi t-tjubija tal-għaġina u l-mili u tibda ssib ix-xewk f’ħalqek. Triq tnaqqiha bir-reqqa minn kull xewka u tħallatha ma’ varjetà ta’ ingredjenti Mediterranji li jagħtuha togħma partikolari. Tadam, pastard, żebbuġ bla għadma, kappar, spinaċi, basal, piżelli, tewm, bajd iebes, żejt taż-żebbuġa, qxur tal-lumi, nagħniegħ, merqtux u ħabaq huma l-ingredjenti li l-aktar jintużaw. Hawn min iħalli xi ingredjent nieqes jew anki jżid xi ħaġa differenti. Issib min anki jżid xi zunnarija u xi sultana biex it-togħma jkollha ħjiel ta’ ħlewwa fina.

Insomma kulħadd skont il-gosti tiegħu. Kollox imbagħad jingħalaq f’għaġina sfiljurata, bħal tal-pastizzi, li tkompli żżid it-tjubija u t-togħma bnina. U arahom in-nanniet, meta jagħmlu t-torta tal-lampuki jżommu biċċa biex x’ħin iżuruhom in-neputijiet jagħtuhom biċċa, anki lil dawk li l-ħut ma tantx jiggustawh… magħmulin f’torta u “mingħand in-nanna” kollox jinżel tajjeb!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN