Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Trolju

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kienet għajta komuni, ħafna nisa tad-dar jistennewha biex joħorġu fil-kantuniera b’landa tal-gallun f’idhom, ġieli b’xi ftit sadid ‘l hemm u ‘l hawn, biex jixtru l-pitrolju. Għax xi raġuni, forsi għax ma kinitx tinstema’ kollha, l-għajta ma kinitx Pitrolju!, imma Trolju!… l-aħħar parti biss. Imma xorta kulħadd kien jifimha.

Il-landi tal-pitrolju kien ikollhom żennuna rqiqa n-naħa ta’ fuq biex fid-dar tkun tista’ taqleb il-pitrolju bla ma xxerred. Il-pitrolju kien jintuża l-aktar għat-tisjir. Ħafna nies ma kinux isajru bil-gass. Dak ma kienx disponibbli kullimkien. Ħafna nisa kienu jsajru bl-ispiritiera.

Din l-ispiritiera kien ikollha “ġewża” li tipproduċi n-nar qawwi biżżejjed biex isajjar. Il-pitrokju kien jintefa’ f’tank fin-naħa t’isfel tal-ispiritiera. Imma biex tibda ssajjar, il-ġewża riedet tkun taħraq diġà. U allura taħt il-ġewża kien hemm xoffa mad-dawra tagħha, fiha kienu jferrgħu ftit spirtu vjola, jixgħeluh bis-sulfarina sakemm tisħin il-ġewża, imbagħad tkun tista’ tixgħel l-ispiritiera u tibda ssajjar. Kien għalhekk li ħafna nisa, mal-landa biex jixtru l-pitrolju, kienu joħorġu magħhom ukoll xi flixkun żgħir nadif biex jixtru l-ispirtu wkoll.

Għall-bejgħ tal-pitrolju, l-bejjiegħ kien iferra’ l-likwidu għal ġo landa apposta li tesa’ gallun bl-eżatt, imbagħad iferra’ għal ġol-landa tax-xerrejja. Imma tal-pitrolju ma kienx ikollu pitrolju u spirtu biss għall-bejgħ. Kien ikollu dak kollu li llum issib fl-istabbilimenti li jbiegħu id-detergents… kollox fuq karrettun li l-povru żiemel kien ikollu jiġbed… sakemm beda jintuża trakk żgħir.

Il-pitrolju ma kienx jintuża għat-tisjir biss. Kien jintuża għal-lampi tal-pitrolju għal meta kien jinqata’ d-dawl, dawk li kien ikollhom mera tonda wara l-fjamma biex id-dawl jirdoppja. Kien jintuża biex tissaħħan id-dar, bil-heater tal-Valor… meta kien ikun hemm riħa ta’ pitrolju mad-dar kollha.

Il-pitrolju kien jintuża wkoll għat-tindif. Kienu jħalltuh maċ-ċana, jitfgħuh fl-art u jikinsuh biex il-madum tal-art kont tara wiċċek fih… sakemm ma tiżloqx xi waħda, u tara wiċċek aktar! Kienu jużaw il-pitrolju wkoll biex inaddfu l-pniezel miż-żebgħa… u idejk jew xi mkien ieħor fejn tkun ċappast bi żball! Kienu jużaw il-pitrolju anki f’xi festa biex iqabbdu l-fjakkli bih.

U bejnietna, kien hawn min anki jitfa’ l-pitrolju minflok diesel fit-tank tal-vettura… għax il-pitrolju orħos. U l-vettura kienet titfa’ ntiena u dħaħen liema bħalhom!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN