Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Uff xi dwejjaq! Aħna ngergru wisq?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Hawn min jgħidilna Maltese Gemgem. U naħseb min jgħid hekk għandu raġun, għax aħna poplu jgerger u jgemgem fuq kollox. Għal kull ħaġa ta’ xejn, toħroġ waħedha l-frażi “Uff xi dwejjaq!” Imma f’dinja fejn kulħadd irid id-drittijiet tiegħu, m’għandniex dritt ingergru jewwilla? Uff xi dwejjaq lanqas ingergru ma nistgħu issa!

Fis-sajf bis-sħana kollha li jġib miegħu u nemus u għaraq nieżel, ingergru għax irridu x-xitwa malajr. Ninsew li fis-sajf il-ġranet jitwalu u noħorġu iktar, imma ngergru. Imbagħad tasal ix-xitwa u erħilna ngergru għax il-bard u għax dejjem bil-maltemp u bilkemm tista’ toħroġ u għax jidlam kmieni… u malajr nibdew ingergru “Uff xi dwejjaq, iġri jasal is-sajf!”

Ingergru għax għandna pajjiż żgħir. U veru żgħir. Tiġi biex toħroġ xi mkien u għażla kbira ma ssibx. Uff xi dwejjaq dejjem nispiċċaw fl-istess postijiet. Imma ninsew li pajjiżi oħrajn, għax ikbar minnha, ikollhom toroq itwal biex imorru x-xogħol. Kultant ma napprezzawx kif f’pajjiżna, fi ftit kilometri tista’ tmur ix-xogħol, il-baħar, tixtri l-Belt, fil-kampanja… anzi tista’ anki tmur fuq gżira oħra f’pajjiżna stess… dejjem fi ftit kilometri. Pajjiżi oħrajn ġieli jdumu xi nofs ta’ nhar biex jaraw il-baħar. Imma aħna ngergru xorta u fuq kollox.

U kemm ingergru “Uff xi dwejjaq kemm sar hawn karozzi!” Imma ħadd ma jaqbad u jneħħi l-karozza tiegħu biex jibda jsolvi l-problema. Tkun idea tajba li kulħadd jirkeb tal-linja biss, tajba għat-traffiku, tajba għas-saħħa. Imma aħna dejjem irridu lil ħaddieħor isolvi l-problema għalina. Azzjoni ma nieħduhiex aħna. Aħna ngergru biss. Uff xi dwejjaq!

Ingergru li r-referi kellu jagħti penalty u ma tahx. Ingergru għax waqt it-telenovela hemm wisq reklami. Ingergru li l-imħallef kellu jagħtih sentenza itwal. Ingergru għax il-qassis dam jgħid wisq. Ingergru għax kull meta naslu aħna, t-traffic lights jixgħelu l-aħmar. Ingergru għax riħ isfel. Ingergru fuq ħaġa u ngergru fuq oħra. Insomma l-aqwa li ngergru, qisu sar il-hobby tagħna.

Uff xi dwejjaq, kemm ingergru!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN